Mhux veru li Peter Caruana Galizia ħa l-miljuni mill-PN – il-Qorti

Il-Qorti qalet li mhux veru li l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ħadet miljuni ta’ Ewro mill-Partit Nazzjonalista biex tattakka lill-Partit Laburista.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia ppubblika posts li kienu “intiżi biex jattakkaw ir-reputazzjoni” tar-raġel ta’ Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia u tal-avukat Andrew Borg Cardona.

Fl-2014, Farrugia kien kiteb fuq Facebook u Twitter li l-avukati Peter Caruana Galizia u Andrew Borg Cardona ħadu €2.5 miljun f’kuntratti mill-Gvern Nazzjonalista. Huma kienu fetħu każ ta’ libell kontra s-Segretarju Parlamentari. F’Marzu tal-2018, l-ewwel Qorti ordnat lil Aaron Farrugia jħallas €3,000 f’danni. Il-Qorti ċaħdet l-appell li kien għamel Farrugia.

Il-Qorti qalet li persuna li tippubblika b’ripetizzjoni fatt li tkun semgħet mingħand ħaddieħor jew li tkun qrat f’pubblikazzjoni, ma tistax targumenta li dak li qalet għandu nqas sinifikat malafamanti mill-malafama oriġinali. Skont il-Qorti, Farrugia qabad artiklu mill-gazzetta Kulħadd u “għamilha fatta”.

F’sentenza separata imma b’rabta mal-istess każ, il-Qorti llikwidat d-danni dovuti lill-familja Caruana Galizia fl-ammont ta’ €750 għal kull pubblikazzjoni.