“Mhux veru li hemm mijiet ta’ messaġġi bejni u Yorgen Fenech” – Delia

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li mhux minnu li hemm mijiet ta’ messaġġi bejnu u bejn Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Delia stqarr dan ma’ Newsbook.com.mt meta mistoqsi hux se jkun qed jaċċetta l-isfida tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Azzopardi fuq Facebook qal li jekk fil-Qorti jirriżulta li Delia kellu kuntatt jew ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-2019 għandu jirriżenja. Dan għaliex f’Novembru 2018 kien irriżulta li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u Delia kemm-il darba saħaq li ma kellu ebda kuntatt ma’ Yorgen Fenech. Azzopardi stqarr ukoll li jekk ma jirriżzultax li kien hemm komunikazzjoni bejn Delia u Fenech fl-2019 ikun hu li jirriżenja.

Ma’ Newsbook.com.mt, Adrian Delia qal li mhux se jirriżenja għaliex huwa qatt ma kellu relazzjoni ta’ negozju jew relazzjoni ta’ ħbieb ma’ Yorgen Fenech. Qal li din hija gidba.

Spjega wkoll li dwar l-allegati flus li għaddew mingħand Yorgen Fenech għal għand il-PN jew għand Delia nnifsu ma humiex veri u fakkar fl-affidavit li kien ħa fil-Qorti.

“Nistenna li Jason Azzopardi jirriżenja immedjatament”

Min-naħa l-oħra, il-Kap Nazzjonalista qal li qed jistenna li Jason Azzopardi jirriżenja immedjatament minħabba li skont Delia, Azzopardi xerred messaġġi li mhumiex veri bl-intenzjoni li jinfluwenza r-riżultat tal-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali.

Delia fakkar fil-protest ġudizzjarju li huwa daħħal fil-Qorti l-Ġimgħa li għaddiet. Fil-protest ġudizzjarju, Delia jallega li Azzopardi “ħammġu” meta qed jindika ma’ nies illi hemm aktar messaġġi bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kien fil-kontro-protest ġudizzjarju ta’ Azzopardi li fih għamel l-isfida uffiċjali. Azzopardi rrimarka li bil-protest ġudizzjarju tiegħu, Delia qed jipprova jaħbi l-effetti politiċi tal-għażliet li għamel “wara kliem fieraħ legalistiku”.