Mhux veru li delizzji oħra jinsabu f’theddida bir-referendum kontra l-kaċċa

11-il avukat iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li mhux minnha l-istqarrija li qed issir mill-FKNK li jekk tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa se jiġu mhedda delizzji oħra b’iżjed referenda.
Id-dikjarazzjoni tal-avukati tgħid l-istqarrija tal-kaċċaturi m’għandhiex bażi legali.
Huwa hu jippreżenta d-dikjarazzjoni, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello għamilha ċara li l-ebda delizzju ma jinsab f’xi periklu jekk jirbaħ il-le fir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Id-dikjarazzjoni tikkwota l-liġijiet li jirregolaw delizzji u sports bħaż-żwiemel, il-logħob tan-nar, tal-karozzi, is-sajd u l-ħamiem.
L-avukati u l-imħallfin iddikjaraw li ma hemmx bażi legali għal xi forma ta’ stqarrija jew dikjarazzjoni li dawn l-isport jew id-delizzji jinsabu f’theddida minħabba r-referendum.
L-avukat Mark Bencini qal li l-FKNK qed tibbaża l-kampanja fuq miżinformazzjoni.
Spjega li referendum abrogattiv jista’ jsir biss biex titneħħa liġi u fil-każ tar-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, il-poplu se jivvota jekk il-Gvern għandux ikompli japplika deroga biex il-kaċċa fir-rebbiegħa tkompli ssir.
Dwar il-Każini tal-Banda, intqal li s-sħubija hija espressjoni ta’ dritt fundamentali li hija mħarsa bil-kostituzzjoni.
Qal ukoll li s-sajd mhux taħt theddida ta’ xi referendum.
Fi stqarrija, ix-Shout laqgħu b’sodisfazzjoni din id-dikjarazzjoni tal-avukati u imħallfin. Il-Kelliema, Romina Tolu qalet li dawn il-membri jew eks membri tal-ġudikaturi huma professjonisti li jafu sew il-liġijiet.
Qalet li l-istqarrija tal-FKNK, li d-delizzji jinsabu f’riskju hija gidba biex ibeżżgħu lin-nies sabiex jivvutaw favur il-kaċċa fir-referendum.
Iddikjarat li l-kampanja kontra l-kaċċa m’għandha l-ebda ħsieb li ddur lejn xi delizzju jew sport wara r-referendum.