“Mhux veru hemm każijiet ta’ coronavirus f’Casa San Paolo”

Old people, anzjani

Read in English.

Care Malta, il-kumpanija li tieħu ħsieb id-dar tal-anzjani Casa San Paolo, ċaħdet li qal il-Ministeru tas-Saħħa li hemm tliet każijiet ta’ coronavirus f’din id-dar.

Mill-31 każ ta’ coronavirus li tħabbru lbieraħ, skont il-Ministeru tas-Saħħa, kien hemm tlieta li nstabu ġo din id-dar f’San Pawl il-Baħar. Madankollu, ftit tal-ħin wara, Care Malta kitbet fuq Facebook li dan kien żball min-naħa tal-Ministeru, li mhuwiex aġġornat. Spjegat li f’Casa San Paolo m’hemm l-ebda każ ta’ Covid-19.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministeru tas-Saħħa għal kjarifika, iżda s’issa għadu ma rċeviex tweġiba.

Fejn issemmiet Casa San Paolo llum
29 każ ġdid tal-coronavirus; ifiqu 43 persuna

Persuna kkummentat fuq il-post ta’ Care Malta tistaqsi għaliex lill-qraba tal-anzjani li joqogħdu ġo din id-dar avżawhom li ma jistgħux iżuru d-dar sas-16 t’Ottubru. Fit-tweġiba tagħha, Care Malta qalet li minn dakinhar saru aktar testijiet u issa m’hemm l-ebda każ fid-dar. Skont Care Malta, ir-residenti għandhom jiġu kkuntattjati nhar it-Tnejn li ġej biex jiġu infurmati meta jistgħu jżuru lill-qraba tagħhom.

Aktar kmieni dan ix-xahar, kien hemm każijiet ta’ coronavirus f’din ir-residenza, billi l-Gvern kien qal li l-każijiet fid-djar tal-anzjani huma mifruxin f’Casa San Paolo, f’Casa Antonia, f’Tas-Simblija u f’Dar San Ġużepp.

Dar tal-anzjani li mhix ħielsa mill-każijiet tal-coronavirus hija Dar San Ġużepp fil-Fgura, li fl-aħħar jiem qalet li kellha 113-il każ pożittiv mill-278 resident fid-dar. Madankollu, fl-aħħar jiem, kien hemm bosta persuni li fiequ mill-virus. In-numru ta’ nies imfejqin sal-bieraħ kien ta’ 33 persuna.