Mhux veru dak li qal il-PM dwar il-kaċċa – BirdLife

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Ministru għall-Ambjent u l-Prim Ministru jistgħu jagħlqu l-istaġun tal-kaċċa. Dan huwa bil-maqlub ta’ dak li qal il-Prim Ministru l-ġimgħa l-oħra meta stqarr li m’għandux dritt jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa.
Sultana spjega li la Prim Ministru u l-anqas il-Ministru tal-Ambjent ma huma obbligati li jimxu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat Ornis. Huma mhux obbligati  li jagħlqu staġun tal-kaċċa jekk il-Kumitat Ornis jgħidilhom biex jagħmlu hekk. Iżda l-anqas ma huma obbligati li jżommu l-istaġun miftuħ jekk il-Kumitat jagħtihom dan il-parir.
Mark Sultana għamel referenza wkoll għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.42, speċifikament Sezzjoni 10. Stqarr li din is-sezzjoni tikellem dwar l-Ornis u tgħid li tagħti rakkommandazzjonijiet.
Sultana sostna li fl-ebda parti tal-liġi m’hemm miktub li l-Ministru ma jistax iwaqqaf l-istaġun qabel iż-żmien.
Il-ġimgħa li għaddiet, f’kummenti li ta lill-midja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-liġijiet tal-kaċċa nbidlu u li huwa l-Kumitat Ornis li jista’ jagħlaq l-istaġun.
Min-naħa tiegħu, Mark Sultana qal li ma sema’ bl-ebda liġi li waqqfet id-dritt tal-Prim Ministru jew tal-Ministru li jwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa.
Għall-kuntrarju ta’ dak li għamel fl-2015, jidher li Joseph Muscat mhux se jissospendi l-istaġun tal-kaċċa, minkejja li mill-1 ta’ Settembru, diġà ġie rrappurtat li madwar 17-il għasfur protett sfaw vittmi tal-kaċċaturi.
Dan jikkuntrasta ma’ dak li ġara f’April 2015, meta kien il-Prim Ministru nnifsu li għalaq l-istaġun wara rapporti li ntlaqtu sitt tajr protett.