Mhux vera se tinbena skola ġdida f’Għawdex – MUT

Il-Unjin tal-Għalliema (MUT) żvelat li l-pjanijiet li ssottomettiet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lill-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed jipproponu bini ta’ skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, iżda li jestendu l-binja eżistenti tal-Middle School.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-pjan juri li l-FTS trid testendi l-binja tal-Middle School tar-Rabat, li bħalissa qed tospita studenti fis-snin sebgħa, tmienja, 10 u 11, sabiex tinkludi Childcare centre, Kindergarten u skola primarja.
L-MUT staqsiet għalfejn il-blokka magħrufa bħala Ninu Cremona, binja mitluqha u li tinsab fil-kumpless tal-iskola, mhix se tintuża bħala s-sit għall-iskola primarja l-ġdida.
Għaldaqstant jgħidu li ma jagħmilx sens li l-blokka ingħatat lid-dipartiment tal-Mużewijiet u li qatt ma għamlu użu minnha.
Il-Middle School għadha kemm għaddiet minn rinovar u għaldaqstant diġa għandha spazju estern u faċilitajiet limitati, tant u hekk li l-MUT tgħid l-iskola spiċċat tagħmel użu mill-faċilitajiet ta’ dik Sekondarja li hemm faċċata.
Skont l-MUT, l-estensjonijiet proposti se jnaqqsu drastikament l-ispazju tal-btieħi, liema spazju huwa bżonnjuż f’kull skola.
Aparti minn hekk, fi kliem l-MUT, il-pjan propost se jpoġġi l-iskola Primarja bejn skola oħra u kumpless sportiv, li skonthom se jirriżulta b’inqas dawl tax-xemx dirett lejn il-klassijiet.
Jgħidu wkoll li l-pjan se jkisser l-identitajiet separati tal-iskola primarja u l-Middle School.
Għaldaqstant, l-MUT appellat lill-Gvern sabiex jerġa’ jikkunsidra l-pjan għall-iskola u jaċċerta li dan ikun ta’ benefiċċju għall-istudenti u l-edukaturi fiż-żewġ skejjel.