“Mhux vera li tista’ ssir sinjur malajr” – MFSA

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qed tavża lill-pubbliku biex joqgħod attent jekk jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ riklami fuq il-midja soċjali li huma fittizji u li qed jiġu mxerrda minn entità bl-isem ta’ Bitcoin Revolution. Sostniet li hija gidba li jekk wieħed isegwi dawn l-istruzzjonijiet jista’ “jsir sinjur malajr”.

Fi stqarrija, l-MFSA spjegat kif din l-entità qed tagħmel promozzjoni permezz ta’ reklami u paġni fuq il-midja soċjali billi tgħaqqad is-sit elettroniku tagħha ma’ diversi personalitajiet lokali mingħajr il-kunsens tagħhom. Fost dawn il-personalitajiet kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-attur Malti-Taljan Davide Tucci, il-boxer Malti Alex Vella, il-kantanta Eleanor Cassar u bosta oħrajn. Ġie spjegat ukoll li dan is-sit elettroniku qed jagħmel rapporti foloz ta’ profitti magħmula minn dawn l-individwi.

Filmat: Davide Tucci jispiċċa fil-mira tal-fake news

L-MFSA qed tavża lill-pubbliku f’Malta u anke barra minn Malta li s’issa l-ebda entità ma ġiet awtorizzata taħt l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali. B’hekk, Bitcoin Revolution mhix liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi xi servizzi ta’ investimenti finanzjarji li għalihom hi meħtieġa liċenzja jew awtorizzazzjoni oħra taħt il-liġi Maltija.

L-MFSA insistiet li l-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji m’għandhomx jidħlu f’negozju jew tranżazzjonijiet ma’ Bitcoin Revolution. Appellat lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwalunkwe investiment jew jidħlu f’ebda trasazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom infushom li l-entità li magħha qed isir l-investiment jew it-tranżazzjoni, hija awtorizzata sabiex tagħmel dan mill-MFSA.

Ara l-lista sħiħa ta’ entitajiet liċenżjati minn hawn.