“Mhux vera li s-salarji tas-Segretarji Parlamentari irduppjaw” – Kummissarju

Read in English.

Is-salarji tas-Segretarji Parlamentari mhux minnu li rduppjaw bejn l-2017 u l-2018. Dan skont ir-rapport li ħareġ il-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler.

L-investigazzjoni saret wara lment li għamel il-Prof. Arnold Cassola dwar allegata żieda fis-salarji mħallsa lis-Segretarji Parlamentari magħmula bil-moħbi u allegat qerq fi stqarrija tal-Gvern.

Fir-rapport tiegħu, Hyzler qal li l l-allegazzjoni li s-salarji tas-Segretarji Parlamentari rdoppja huwa “assolutament bla bażi fil-fatt”. Spjega li dawk li rrappurtaw il-figuri ġew żvijjati mill-fatt li s-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Deo Debattista ħadu l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari f’nofs l-2017 u għalhekk is-salarju tagħhom għal dik is-sena huwa bejn wieħed u ieħor in-nofs tas-salarju tal-2018.

Hyzler sostna li s-salarji tal-impjegati fis-servizz pubbliku jiġu riveduti permezz ta’ ftehim kollettiv bejn il-Gvern u l-Unions li jirrappreżentaw l-impjegati. Qal li l-aħħar ftehim kollettiv kien iffirmat fl-2017. Iż-żieda kienet seħħet lura fl-2017, wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid.

Aqra: Cassola jitlob għal investigazzjoni fis-salarji tas-segretarji parlamentari

Hu kkumpara s-salarji ta’ Ministru u Segretarju Parlamentari fl-2013 u fl-2019. Qal li Ministru fl-2013 kien jaqla’ €53,093 fis-sena. Segretarju Parlamentari kien jaqla’ €50,680 f’sena. Intant, fl-2019, il-pagi huma ta’ €56,267 u €53,974 rispettivament. Dan juri żieda ta’ 6%, li skont Hyzler ma titqiesx bħala sostanzjali meta wieħed iqis li kienet mifruxa fuq medda ta’ sitt snin.

Meta rrefera għall-ispunt fejn il-Gvern ġie kkritikat għax ma’ ħabbar xejn dwar din iż-żieda, Hyzler qal li filwaqt li probabbilment huwa minnu li ħadd ma għamel stqarrija li bi ftehim kollettiv se tiżdied il-paga tal-President ta’ Malta, l-Imħallfin, il-Ministri u pożizzjonijiet pubbliċi oħrajn, il-ftehim kollettiv tal-2017 kien ingħata ħafna pubbliċità. Dan kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Unions li ffirmawh u anke l-media lokali.

Fejn tidħol l-istqarrija tal-Gvern, li saret is-Sibt 17 ta’ Awwissu, Hyzler sostna li din ma tantx għenet il-kontroversja meta qalet li ma kienx hemm żieda. Qal imma ladarba ġiet ikkjarifikata mill-ewwel permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, ma jistax jingħad li kien hemm qerq min-naħa tal-Prim Ministru.

“Kienet oħra minn sensiela ta’ allegazzjonijiet mingħajr bażi” – PL

Fi stqarrija b’reazzjoni għar-rapport tal-Kummissarju, il-Partit Laburista sostna li din kienet oħra minn sensiela ta’ allegazzjonijiet mingħajr ebda bażi tad-deputat Jason Azzopardi u l-Partit Nazzjonalista. Il-Partit sostna li issa hija responsabbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien wiegħed mod ġdid.

Reazzjoni għar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista għar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-allegazzjoni li żdiedu s-salarji tal-membri tal-Kabinett. Rapport li wera kif din kienet allegazzjoni oħra mingħajr ebda bażi tal-Partit Nazzjonalista u d-deputat Jason Azzopardi.

Posted by Partit Laburista on Friday, October 4, 2019