“Mhux sorpriżi li ż-żgħażagħ Maltin mhumiex attivi fl-isport” – AD

Il-Kelliem tal-Alternattiva Demokratika (AD) għall-isport u ż-żgħażagħ, Luke Caruana, saħaq li r-riżultat tal-aħħar rapport tal-Eurobarometer, li klassifika liż-żgħażagħ Maltin fost dawk l-inqas attivi, ma kienx sorpriża.
Ir-rapport jgħid li huma 11% biss miż-żgħażagħ Maltin li jieħdu sehem f’xi tip ta’ attività sportiva. 
Caruana saħaq li r-raġuni primarja ta’ dan ir-riżultat hija li f’Malta l-attività fiżika għadha titqies bħala xi ħaġa sekondarja fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u għaldaqstant jgħid li mhix qed tingħata importanza lid-diversi benefiċċji li jġib miegħu meta wieħed jinteressa ruħu fl-isport minn età żgħira.
Il-kelliem għall-AD qal kif l-isport jgħin kemm l-iżvilupp fiżiku, kif ukoll jippromwovi żvilupp personali, flimkien mal-koeżjoni tal-komunità. Huwa kompla billi nsista li hemm bżonn li l-enfasi ma tibqax biss fuq l-isports kompetittivi, iżda tingħata wkoll importanza lill-attivitajiet fiżiċi li mhumiex kompetittivi.
Caruana spjega kif pass ieħor importanti huwa li t-toroq residenzjali jitranġaw sabiex jiffavorixxu lin-nies u mhux lill-karozzi.
Huwa kompla jgħid li hemm bżonn tingħata aktar importanza lill-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel u jsir mezz li studenti b’ħiliet sportivi differenti jiġu inklużi kollha mingħajr xkiel.
Semma wkoll il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet tad-dilettanti, li nsista li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Gvern, speċjalment minħabba li bosta għandhom bżonn għajnuna akbar minn dik li kapaċi jtihom xi sponser.