“Wara s-siġar imiss lilna” – iċ-ċiklisti

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) qal li minkejja li Transport Malta tgħid li tippromwovi aktar iċ-ċikliżmu fil-prattika qed tagħmel l-oppost.
Fl-isfond dwar it-tkabbir tar-roundabout f’Ħal Lija, il-BAG qal li ma kienx hemm konsultazzjoni jew pjan biex titjieb is-sigurtà għaċ-ċiklisti u għan-nies li jimxu fit-toroq.
Fi stqarrija, il-grupp spjega li minħabba dan il-proġett mhux biss inqerdu s-siġar tal-Ballut mit-Triq Dun Karm, Triq in-Naxxar u fi Triq il-Kbira fl-Iklin iżda hemm theddida kbira fuq is-sigurtà tan-nies li jkun qed jimxu f’dawk l-inħawi.
Saħaq li b’dan il-proġett iċ-ċiklisti u n-nies mhux se jkun jistgħu joħorġu fit-toroq b’serħan il-moħħ.
Fl-isfond tal-qerda tas-siġar, il-BAG ilmenta li qed tkun mhedda wkoll is-saħħa taċ-ċittadini minħabba n-nuqqas ta’ arja nadifa.
"L-aġir ta' Trasport Malta huwa inaċċettabbli" – PN
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista wkoll ilmenta kontra l-qerda tas-siġar minn Transport Malta f’Ħal Lija.
Fi stqarrija qal li l-aġir ta’ TM huwa inaċettabbli u jmur kontra l-interess ambjentali ta' Malta, hekk kif tqaċċtu siġar li kellhom ’il fuq minn 100 sena.
Stqarr li l-Gvern għandu jirrispetta l-ispirtu tal-liġi u jiżgura li azzjonijiet bħal dawk li ħadet Transport Malta ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.