“Mhux sodisfaċenti” – Assemblea Ewropea dwar ir-rispons ta’ Malta

Aġġornat 08:40 PM

"Ir-reżoluzzjoni ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa minn dan il-Gvern" - Il-Gvern

Daphne Caruana Galizia memorial
Miguela Xuereb

Read in English.

Ir-rispons ta’ Malta fejn tidħol l-assigurazzjoni tal-ġustizzja mal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u t-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt mhux sodisfaċenta għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Assemblea approva rapport ieħor tal-MEP Olandiż Pieter Omtzigt li wasal fit-tmiem tal-mandat tiegħu.

F’dikjarazzjoni, il-kumitat qal li l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tal-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia baqgħet “fundamentalment mhux sodisfaċenti, mingħajr ebda riżultati finali.”

18-il xahar ilu, l-assemblea għamlet diversi rakkomandazzjonijiet lil Malta dwar kif tista’ tinkiseb ġustizzja għal Caruana Galizia, tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt u tintemm l-impunità li twassal għal korruzzjoni fl-ogħla livelli.

Fl-aħħar rapport, ir-rapporteur Omtzigt, ikkritika r-rispons ta’ Malta biex ittemm l-impunità għall-korruzzjoni fuq l-ogħla livelli bħala waħda “kompletament mhux sodisfaċenti”. Qal ukoll li r-rispons għat-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt f’Malta hija fil-maġġorparti “mhux sodisfaċenti, b’riżultati mħallta”.

Omtzigt ħares ukoll lejn l-aktar żvilupp riċenti fl-investigazzjoni u l-proċedimenti kriminali f’konnessjoni mal-każ, kif ukoll fl-inkjesta pubblika fil-qtil tagħha u s-sitwazzjoni tas-Saltna tad-Dritt f’Malta.

Intant, il-kumitat li talab lil Malta biex tassigura li ma jkunx hemm żmien impost fuq l-inkjesta pubblika, qablet mal-konklużjonijiet ta’ Omtzigt. Sostniet li wieħed ma jistax jimponi li l-inkjesta pubblika tintemm fi żmien stipulat jekk trid tinkiseb ġustizzja abbażi ta’ din l-inkjesta.

Talbet ukoll lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu l-miżuri li hemm identifikati fir-rapport ta’ Omtzigt biex tkun implimentata b’mod sħiħ ir-Reżoluzzjoni 2293 “bħala miżura ta’ urġenza”.

It-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela qal li għadu qed jistenna li l-inkjesta pubblika tkun konkluża sal-15 ta’ Diċembru. Insista li l-inkjesta ingħatat biżejjed żmien biex tagħmel xogħolha.

F’Settembru tal-2019, il-gvern ħabbar li se tkun qed tinbeda inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista. Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba qrib id-dar tagħha fil-Bidnija fis-15 ta’ Ottubru tal-2017.

L-aħbar ġiet sitt ijiem biss qabel id-data ta’ skadenza li imponiet l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f’reżoluzzjoni adottata fis-26 ta’ Ġunju tal-2019. Din tat lill-awtoritajiet Maltin perjodu ta’ tliet xhur biex jistabilixxi inkjesta pubblika indipendenti.

“Ir-reżoluzzjoni ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa minn dan il-Gvern” – Il-Gvern

Il-Gvern Malti nnota l-opinjoni ta’ Pieter Omtzigt dwar Malta fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Qal li r-reżoluzzjoni tiegħu ir-reżoluzzjoni ma tagħtix stampa ċara tal-ħidma mwettqa mill-Gvern.

Fi stqarrija mibgħuta llejla, il-Gvern qal li tul il-perjodu li Omtzigt għamel rapporteur, il-Gvern Malti żamm kuntatt regolari miegħu b’aġġornamenti kontinwi fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Gvern qal li fl-aħħar xhur, l-Amministrazzjoni kurrenti wettqet riformi kostituzzjoni u istituzzjonali bla preċedent. Qal li dawn ir-riformi ġew imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa u mill-Kummissjoni Ewropea. Dan wara li saru emendi fil-kostituzzjoni u liġijiet ohra li għaddew b’vot parlamentari unanimu.

Il-Gvern Malti tenna li dak kollu li nkiseb s’issa mhux il-punt tal-wasla, iżda huwa bażi soda għal riformi oħra li għad iridu jsiru permezz tal-Konvenzzjoni Kostituzzjonali li qed imexxi l-President ta’ Malta.