Mhux shadow ministers imma huma se jitkellmu fil-Parlament

Hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil poġġa fix-shadow cabinet tal-Oppożizzjoni żewġ Membri tal-Parlament Ewropew, mill-Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jirriżulta li huma biss il-membri fil-Kamra tar-Rappreżentanti li jistgħu jissottomettu interpellanzi fil-Parlament.
Dan ifisser li filwaqt li l-Kelliema għall-Edukazzjoni, ix-Xogħol, għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej huma membri fil-Parlament Ewropew mhux se jkunu possibbli li jagħmlu mistoqsijiet Parlamentari f’isimhom jew jiddibattu fil-plenarja lokali. Dan skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għalhekk filwaqt li x-shadow ministers għal dawn l-oqsma uffiċjalment se jkunu Membri tal-Parlament Ewropew, fil-Kamra tar-Rappreżentanti se jkunu d-Deputati li qed jgħinuhom li se jagħmlu xogħolhom.
Għalhekk ix-xogħol fil-plenarja u għall-mistoqsijiet Parlamentari fost l-oħrajn, se jerġgħu ikunu George Pullicino, Carm Mifsud Bonnici u Tonio Fenech li se jipparteċipaw fil-ħidma Parlamentari.
L-Att dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jistipola fl-Artiklu 19(2) tal-Kapitlu 467, li l-kariga ta’ membru tal-Parlament Ewropew hi inkompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-Kamra tad-Deputati, membru ta’ Kunsill Lokali jew xi istituzzjoni oħra simili f’xi stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Il-liġi tgħid ukoll li meta persuna tiġi eletta kemm fil-Parlament Malti kif ukoll f’dak Ewropew trid tagħżel fejn se sservi fi żmien ħamest ijiem mir-riżultat u jekk tonqos, titqies li rrinunzjat il-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.
F’Diċembru tal-2012, Louis Grech, li kien Membru tal-Parlament Ewropew kien elett Viċi Kap tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament sakemm kien elett bħala Viċi Prim Ministru fl-elezzjoni ġenerali tal-2013.