Mhux sew li studenti li jaħdmu part time mhux se jirċievu l-€500 mill-Gvern – Pulse

Read in English.

L-għaqda studenteska Pulse esprimiet id-diżappunt tagħha wara li ħareġ li studenti li huma impjegati fuq bażi part-time mhux se jkunu eliġibbli għas-suppliment ta’ €500 mill-gvern minħabba li jirċievu l-istipendju ta’ kull xahar.

Permezz ta’ stqarrija fuq Facebook, l-għaqda sostniet li mhux faċli li tkun student fuq bażi full-time u żżomm xogħol part-time fl-istess ħin. Qalet li madanakollu, l-istudenti jirnexxielhom jagħmlu t-tnejn. Qalet li dan għaliex €90 fix-xahar, għal ħafna studenti, sempliċiment mhux biżżejjed biex jgħaddu x-xahar. Qalet li s-soċjetà tħeġġeġ lill-istudenti jaħdmu, iżda din il-miżura hija waħda kontradittorja hekk kif dawn l-istudenti issa qed jiġu penalizzati talli jaħdmu part-time.

“L-istudenti m’għandhomx jiġu f’pożizzjoni fejn ikollhom jagħżlu bejn jieħdu l-istipendju jew is-suppliment tal-gvern, speċjalment meta hawn ħafna studenti, li jaħdmu part-time għalihom mhix għażla iżda neċessita biex ikunu jistgħu jgħinu lill-familja tagħhom,” qalet Pulse.

Pulse sostniet li filwaqt li tifhem li dan huwa żmien instabbli għal kulħadd u tirrikonoxxi l-isforzi kollha li qed isiru biex jittaffew xi pressjonijiet, hi tħeġġeġ lill-gvern u l-awtoritajiet kollha konċernati sabiex jerġgħu jaħsbu sew fuq din id-deċiżjoni u biex iżommu lill-istudenti fi ħsibijiethom f’dawn iż-żminijiet diffiċli wkoll.

🇲🇹 Pulse tixtieq tesprimi d-diżappunt tagħha wara l-aħħar aġġornament li studenti li huma impjegati fuq bażi part-time…

Posted by Pulse on Sunday, April 19, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn