“Il-ħaddiema jitħallsu bl-€4.60 s-siegħa; l-istrajk sospiż”

L-eks mexxej tal-Alternattiva Demokratika, il-Professur Arnold Cassola qasam informazzjoni ġdida dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur tal-Gozo Channel li tgħid li ċertu ħaddiema qed jitħallsu bl-€4.60 is-siegħa.

Dan il-messaġġ qasmu ma’ Newsbook.com.mt filwaqt li qal li l-istrajk ordnat ilbieraħ filgħaxija u li beda propju dalgħodu issa twaqqaf. Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-UĦM – Voice of the Workers għal kemm-il darba dalgħodu, madanakollu ma rnexxilniex naslu għal risposta.

Fil-messaġġ li rċieva Cassola, ġie spjegat li l-paga tal-ħaddiema tal-kuntrattur hija “ħafna ‘l bogħod” minn sħabhom l-impjegati tal-Gozo Channel. Spjega li l-istrajk ġie sospiż minkejja li allegatament, il-kuntrattur ma attendiex għal-laqgħa li saret dwar il-każ.

“Mhux sew li l-istrajk tħabbar ftit sigħat qabel”

Aktar kmieni llum, Cassola sostna fuq Facebook li filwaqt li strajk huwa dritt tal-ħaddiema, dan m’għandux jiġi mħabbar ftit tas-sigħat qabel ma jseħħ.

Cassola insista li huma importanti li dawk kollha li jridu jaqsmu bejn Għawdex u Malta sabiex imorru għax-xogħol jingħataw żmien biżżejjed sabiex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom minn qabel. Irrimarka li l-ħaddiema għandhom jiġu rispettati daqs kemm għandhom jiġu rispettati dawk li jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Intant fil-kummenti kien hemm min qal li qed jistenna l-vapur fil-port tal-Imġarr u li s-servizz tal-Gozo Channel jinsab fuq strajk tat-tip ‘go slow’ li jfisser li meta vapur jgħabbi l-karozzi ma jgħabbix fuq ir-rampi.

Kif żviluppa l-każ?

Ilbieraħ tard filgħaxija l–UĦM ordnat il-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu fuq il-Gozo Channel sabiex minn dalgħodu jerġgħu jistrajkjaw. Fuq Facebook iċ-Ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina sostna li din hija biss vendikazzjoni mal-ħaddiema Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta għax-xogħol. Intant il-Membru Parlamentari Chris Said qal li Cordina qed iwaħħal fi grupp ta’ ħaddiema kif ukoll fl-Unjin li tirrappreżentahom minflok ra kif għamel biex jagħtihom dak li hu tagħhom skont il-liġi.

Dalgħodu, l-imwejjed tal-vapuri tal-Gozo Channel sebħu b’nota fuqhom għall-passiġġiera li mingħand il-ħaddiema li skużaw ruħhom għall-inkonvenjent li nħoloq kawża tad-direttivi. Sostnew li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mhux qed jiġu rispettati.

Propju xahar ilu, kien seħħ każ simili dwar l-istess ħaddiema fejn rappreżentanti tal-UĦM kienu spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li wara li l-unjin baqgħet mingħajr il-laqgħa li kellha ssir biex jintlaħaq ftehim, ordnat fis-seħħ numru ta’ direttivi. Id-direttivi daħlu fis-seħħ hekk kif il-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħmlu l-istess xogħol identiku għal dak li jagħmlu l-ħaddiema tal-Gozo Channel għandhom paga inqas u kundizzjonijiet differenti.