Mhux sew li fi strajk dejjem jeħel iż-żgħir u l-vulnerabbli – Oliver Scicluna

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna stqarr li mhux ġust li dejjem jeħel iż-żgħir u l-vulnerabbli meta jkun hemm strajk.

Ma’ Newsbook.com.mt Oliver Scicluna, filwaqt li qal li japprezza li union għandu jkollha dritt għal strajk, “wieħed irid jaċċetta li ma jistax ikun li bl-azzjonijet industrijali dawk vulnerabbli jitpoġġew f’riskju.

Scicluna kien qed jirreferi għal ċerti direttivi ordnati mill-Unjoni tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), li fost l-oħrajn jinkludu azzjonijiet diretti lejn persuni u pazjenti vulnerabbli. Huwa appella biex jirbaħ is-sens komun mingħajr ħadd ma jwebbes rasu fuq qbil li se jgħin biex titrażżan l-imxija tal-virus.

“Kulħadd jiġbed għal xawwatu u tgerfixna” – Prof. Sammut

Intant, Prof. Carmen Sammut, Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta stqarret li tifhem il-frustrazzjoni kbira tal-frontliners “għax azzjonijiet tal-massa messhom ma tħallew isiru qatt, lanqas li kieku kienu se jagħtu xi kontribut ekonomiku tremend”.

Fuq il-mezzi soċjali Prof. Sammut irrimarkat iżda li ma tifhimx għaliex bl-azzjonijiet industrijali se jintlaqtu ħażin l-anzjani, “dawk li la marru pool parties, la marru jiskru fil-marċijiet tal-festa u lanqas dawk li ntilfu fid-dellirju tat-tbaħrit”.

Staqsiet jekk dawn l-anzjani, li obdew u qagħdu attenti, għandhomx ikollhom ħajjithom imdendla bl-imxija.  “Xhur ilu bdejna niġbdu ħabel wieħed u rnexxejna. Issa kulħadd qed jiġbed lejn xawwatu u tgerfixna. Din mhix tellieqa fejn se jirbaħ xi ħadd. Min se jerġa’ jwassalna f’direzzjoni li tagħmel sens, qabel ikun tard wisq?” temmet tgħid Prof. Sammut.

Illum, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru 20 każ ġdid. Il-każi attivi f’Malta issa jlaħħqu 267.