Mhux sew li d-Djoċesi ta’ Għawdex iddum bla tmexxija – l-Isqof Grech

Read in English.

L-Isqof Mario Grech qal li mhux sew li d-Djoċesi ta’ Għawdex iddum mingħajr xi ħadd inkarigat biex imexxiha.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex Mons. Grech qal dan waqt intervista fuq Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart ma’ Fr Joe Borg.

Il-Papa Franġisku kien qal lil Mons. Grech li riedu jsir l-Prosegretaju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfiijiet għal Settembru tal-2019. Intant filwaqt li l-Knisja f’Malta qed taffaċċja l-isfida tal-coronavirus id-Djoċesi ta’ Għawdex għadha ma tafx min se jkun is-suċċessur ta’ Mons. Grech.

Fuq 103 Mons. Grech qal li d-deċiżjoni mhix f’idejh. Qal li din hija kwistjoni li taqa’ taħt in-Nunzjatura. Stqarr li għadu qed jakkumpanja lill-poplu Għawdxi però ammetta li l-ħsieb tiegħu ma jistax jibqa’ ffukat kif kien qabel.

Lura fl-2019 sorsi nfurmati kienu qalu lil Newsbook.com.mt li l-Papa Franġisku nnifsu kkuntattja lil Mons. Grech dwar il-kariga ġdida tiegħu.

“Jekk kollox jibqa’ kif inhu, mhux mistenni li l-Isqof ta’ Għawdex jitlaq qabel Awwissu tal-2020”. Dan kien il-kliem li ntqal lil Newsbook.com.mt minn osservaturi tax-xena ekleżjastika dwar l-għajdut li n-Nunzjo Appostoliku beda jfittex is-suċċessur ta’ Mons. Mario Grech f’Ottubru li għadda.

Fadal ħafna sakemm jinfetħu l-knejjes – Mons. Grech

Mons. Grech ġie mistoqsi wkoll dwar jekk jafux meta se jerġgħu jinfetħu l-knejjes għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Qal li madwar ħmistax ilu, flimkien mal-Arċisqof, staqsa lill-awtoritajiet dwar jekk hux possibbli li s-saċerdoti jibdew iqaddsu għan-nies fil-komunità. Spjega li r-risposta tal-awtoritajiet kienet li g”ħadu kmieni ħafna.”

L-Isqof qal li l-Knisja qed tagħmel att ta’ karità bis-sagrifiċċju li ma jsirx quddies għax qed tieħu ħsieb is-saħħa tal-pubbliku. Spjega li ma jfissirx li hemm kriżi mbilli mhux qed isir il-quddies bħas-soltu.

Fl-Italja, il-quddies, it-tiġijiet, il-funerali u l-magħmudijiet se jerġgħu jibdew isiru mit-18 ta’ Mejju ‘l quddiem. Dan se jkun jista’ jsir bil-kundizzjoni li min jattendi jonora l-miżuri ta’ social distancing u dawk ta’ sanità.

Mons. Grech qal li min jaħseb li l-pandemija hija xi kastig ġej minn Alla għadu ma jafx min hu Alla, għaliex Alla u l-kastig ma joqogħdux flimkien.