Mhux se twaqqafna milli nsalvaw lin-nies – NGO lil Gafa

Neville Gafa Inset: Fr Mattia Ferrari flimkien mal-crew ta' Meditterranea Saving Humans

Read in English.

“Waqqfu n-negozju maħmuġ. Jekk le, aħna se nwaqqfukom”. Hekk kien il-kumment skjett ta’ Neville Gafa li seta’ jitqies bħala theddida lill-ġurnalist Taljan li jaħdem fuq stejjer dwar l-immigrazzjoni u li jsegwi mill-qrib dak li qed jiġri fil-Baħar Mediterran.

Newsbook.com.mt segwa dawn il-kummenti fuq Twitter fejn anke talab lill-Pulizija x’passi se tieħu fil-konfront tal-kummenti ta’ Gafa li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu Gafa spjega ma’ Newsbook.com.mt li għadda dawn il-kummenti minħabba li qal li huwa inaċċettabbli li l-għaqda Alarm Phone qed “tikkoordina immigrazzjoni illegali flimkien ma’ traffikanti, tgħajjar u tinsolenta b’mod regolari lil Gvernijiet Ewropej in partikolari dak Malti u dak Taljan”. Huwa saħaq ukoll li l-kummenti li jagħmel fil-midja soċjali jkun qed jagħmilhom f’ismu biss u f’isem ħadd aktar.

“Aħna nibżgħu minn Alla, ma nibżgħux mill-bnedmin” – Fr Mattia Ferrari

Peress li Gafa qal li għamel il-kummenti tiegħu fil-konfront tal-għaqdiet li huwa qal li qed jagħmlu “negozju maħmuġ”, Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ Fr Mattia Ferrari, il-kappillan tal-għaqda Mediterranea Saving Humans, waħda mill-għaqdiet li tgħin biex issalva l-ħajjiet milli jegħrqu.

Fi stqarrija soda u ċara, Fr Ferrari qal li huma qatt mhu se jieqfu mix-xogħol tagħhom. Qal li “Aħna nibżgħu minn Alla, ma nibżgħux mill-bnedmin”. Dan filwaqt li stieden lil Gafa biex ma jaħlix l-enerġija tiegħu għax reġa’ saħaq li ħadd mhu se jwaqqafhom mix-xogħol tagħhom.

Fisser li se jkomplu b’xogħlhom anke sakemm persuna waħda tkun qed tirriskja li tmut fuq il-baħar jew li tinqabad u tittieħed lura lejn il-Libja. “Ma nistgħux niġu mwaqqfa, għax ma tistax twaqqaf l-imħabba”, temm jgħid Fr Ferrari.

Fr Ferrari spjega li l-veru “negozju maħmuġ” huwa dak tat-traffikar tal-bnedmin, taż-żejt u tad-drogi li ġew investigati mill-ġurnalist Nello Scavo. Fr Ferrari jkompli jinsisti li l-veru “negozju maħmuġ huwa fil-ftehim li sar bejn l-Italja u l-Libja u bejn il-Libja u Malta biex jiffinanzjaw lill-Gwardji tal-Kosta Libjana biex jieħdu lura lill-immigranti lejn il-Libja fejn ħajjithom tkun fil-periklu. Huwa jkompli jispjega li dan isir bi ksur kbir tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Tul il-karriera tiegħu, il-ġurnalist veteran Nello Scavo żvela sistema li tgħakkes l-umanità għal finijiet legali fejn ippubblika artikli fuq L’Avvenire u anki ħadem f’kollaborazzjoni ma’ The New York Times u The Guardian.

“Bil-fatti li żvelajna dejjaqna lil xi Maltin u anke Sqallin” – ġurnalist Taljan

Mitlub jirreaġixxi għall-istqarrija ta’ Gafa fuq Twitter, Scavo qal li ma kienx sorpriż mit-ton. Stqarr li bl-evidenza ppubblikata fix-xogħol tal-ġurnalisti fosthom anke bl-investigazzjonijiet riċenti dwar l-esportazzjoni illegali taż-żejt mil-Libja, taw fastidju lil personaġġi f’Malta kif ukoll lill-mafja fi Sqallija.

Stqarr ukoll li se jkompli jagħmel xogħlu fejn anke rringrazzja lill-midja Kattolika fl-Italja L-Avvenire tal-kuraġġ u s-sostenn li tatu biex seta’ jippubblika l-artikli.

Ma’ Newsbook.com.mt Scavo qal hekk: “L-akkużi minn persuni dubjużi mhux se jwaqqfuni minn xogħli, “l-iskumdità” li qed inġibilhom tista’ biss tikkonferma li għad hemm ħafna x’niskopru. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-ġurnalisti kuraġġużi Maltin u lill-mijiet ta’ ċittadini Maltin li jgħinuna bl-informazzjoni tagħhom u anke biex insiru nafu l-fatti kif ġraw.”

Fir-risposta tiegħu lil Newsbook.com.mt, Gafa stqarr li huwa jibqa’ favur missjonijiet tal-Frontex, l-Armata Maltija u anke dik tal-Gwardja tal-kosta Libjana biex f’Malta ma jkunx hawn influss ta’ immigranti irregolari. Huwa temm bil-kumment “Malta l-Ewwel u qabel kollox” li kienet waħda mill-istqarrijiet popolari tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff.