“Mhux se tkun faċli, xi impjiegi se jintilfu” – Kurt Farrugia

90,000 applikazzjoni għall-għajnuna

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia stqarr li fuq medda itwal ta’ żmien il-Malta Enterprise qed tħares lejn inċentivi biex tattira aktar investiment u tgħin fabbriki li diġà qegħdin f’Malta biex ikomplu jinvestu. Madankollu huwa rrikonoxxa li hemm sfidi kbar u li “mhux se tkun faċli, xi impjiegi se jintilfu.” 

Farrugia, li kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, fakkar ukoll f’inċentivi li qed joffri l-pajjiż biex jgħin lin-negozju u l-ħaddiema biex jitħarrġu f’ħiliet ġodda biex jirrispondu għar-realtajiet tad-dinja tax-xogħol tal-lum.

90,000 applikazzjoni għall-għajnuna 

Tkellem dwar l-għajnuniet li qed jingħataw mill-Gvern għan-negozju u li huma amministrati mill-Malta Enterprise, partikolarment is-suppliment għall-pagi. Kurt Farrugia qal li huwa veru li għalkemm ġew proċessati eluf ta’ applikazzjonijiet u tħallsu miljuni ta’ ewro f’għajnuniet, għad hemm numru ta’ ħaddiema li ma tħallsux. Madanakollu spjega li dan huwa proċess ferm kumpless, fejn applikaw eluf ta’ intrapriżi, bl-applikazzjonijiet ikopru mad-90,000 impjegat. Barra minn hekk spiss ikun hemm nuqqas ta’ dettalji min-naħa tal-applikant, bħal numri bankarji żbaljati, domandi addizzjonali mhux imwieġba mill-intrapriża jew inkella l-kumpanija tkun qed toġġezzjona r-risposta tal-Malta Enteprise. 

Farrugia spjega li għalkemm il-Malta Enterprise trid tgħin kemm jista’ jkun malajr lin-negozji u l-ħaddiema, fl-aħħar mill-aħħar qed tamministra fondi pubbliċi u għalhekk trid tivverifika li min qed japplika tassew hu intitolat, u għalhekk isiru verifiki bħal pereżempju jekk ħaddiem li japplika taħt skema part-time fil-fatt ikun full-time.

Kurt Farrugia sostna li element importanti ta’ kif se tirkupra l-ekonomija lokali speċjalment sakemm l-ajruporti jibqgħu magħluqin huwa billi jkun xprunat it-turiżmu u l-konsum intern. 

“Il-mod kif ilqajna għall-isfidi mediċi u ekonomiċi l-aqwa riklam għall-pajjiżna” 

Farrugia, rrefera għall-aħbarijiet fl-aħħar jiem, fejn Malta ġiet imfaħħra fuq mezzi tax-xandir internazzjonali kemm għal mod kif laqgħet għall-isfidi fil-qasam tas-saħħa li ġabet magħha l-imxija tal-coronavirus, kif ukoll għal-livell ta’ għajnuniet ekonomiċi li qed jingħataw lis-sidien ta’ negozju u lill-ħaddiema. 

Għal Kurt Farrugia, dawn ir-rikonoxximenti se jixprunaw l-isforzi ta’ Malta biex tkompli tattira aktar investiment u postijiet tax-xogħol: “Nistgħu mmorru b’wiċċna minn quddiem u lill-investituri ngħidulhom: pajjiżna huwa sigur, kemm mill-aspett ta’ saħħa, kif ukoll mill-aspett ekonomiku”.

Farrugia qal li l-prijorità llum hi li nieħdu ħsieb in-negozju li għandna f’pajjiżna, iżda x-xogħol ta’ promozzjoni ta’ pajjiżna baqa’ għaddej permezz ta’ konferenzi virtwali. Huwa spjega kif pajjiżna xorta baqa’ jattira interess ta’ investiment f’dawn il-ġranet. Filwaqt li ma tistax turi fiżikament x’joffri l-pajjiż, il-Malta Enterprise torganizza numru ta’ laqgħat virtwali biex jiġi spjegat dak li pajjiżna jista’ joffri lill-investur. Barra minn hekk, il-Malta Enteprise żammet kuntatt ma’ dawk il-kumpaniji li kienu interessati jiġu lejn Malta qabel faqqgħet il-kriżi attwali. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn