Mhux se tinbena lukanda minflok dar antika f’Tas-Sliema

Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li qed tilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti li waqqfet it-twaqqiegħ ta’ dar antika ta’ żewġ sulari f’St Mary Street f’Tas-Sliema biex tinbena minflokha lukanda. Din id-dar kienet inbniet fl-1861.

L-FAA qalet li kienet ilha tikkampanja wara li l-applikazzjoni biex titwaqqa d-dar kienet ġiet rifjutata biex minflokha ssir lukanda ta’ tmien sulari. Qalet li din hija waħda mill-aktar toroq antiki tas-Sliema u lukanda oħra kienet se tkompli tkun ta’ detriment għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti Slimiżi.

L-għaqda esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dan għandu jservi ta’ preċedent għal proġetti oħra ta’ żvilupp li ma jagħtux każ l-aspett storiku u l-bżonnijiet tar-residenti.

Intqal li ħafna binjiet f’St Mary Street ġew preservati permezz tal-policy dwar iż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana.

L-FAA temmet tgħid li għad hemm applikazzjonijiet oħra pendenti li huma ta’ theddida fosthom għall-Palazzo Giannin f’Ħal Għaxaq kif ukoll żewġ applikazzjonijiet oħra fis-Saqqajja tar-Rabat.