Mhux se tibqa’ ddur is-siegħa

Membri tal-Parlament Ewropej ivvutaw favur li l-Ewropa tieqaf iddawwar is-siegħa fl-2021. Però, l-istati membri għandhom bżonn jiddeċiedu hux se jibqgħu bil-ħin tax-xitwa jew dak tas-sajf b’mod permanenti.

Dan il-qbil ġie wara konsultazzjoni onlajn li saret is-sajf li għadda, li rċeviet 4.6 miljun risposta mit-28 Stati Membri. 54% tal-parteċipanti Maltin sostnew li ma jridux li jibqa’ jinbidel aktar il-ħin.

Ir-riżultati wrew li 76% tal-persuni li rrispondew jikkunsidraw it-tibdil tas-siegħa darbtejn fis-sena bħala esperjenza negattiva bir-raġunijiet ivarjaw minn impatti negattivi fuq is-saħħa u ż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku, fost oħrajn.

L-istati membri ilhom mil-2001 obbligati biex idawwru s-siegħa għall-ħin tas-sajf l-aħħar Ħadd ta’ Marzu, u lura fl-aħħar Ħadd t’Ottubru. Din kienet bdiet bħala metodu tal-konservazzjoni tal-enerġija, partikolarment fil-kriżi taż-żejt tas-sebgħinijiet. Mill-1980, l-Unjoni Ewropea bdiet taħdem fuq leġislazzjoni biex it-tibdil fil-ħin ikun ta’ kulħadd l-istess.

Il-proposta oriġinarjament kienet biex is-siegħa ma ddurx iżjed minn din is-sena, l-2019, iżda Marita Ulvskog, Membru Ewroparlamentari li qed tieħu ħsieb it-tmexxija ta’ din il-liġi, sostniet li l-pjan kien wisq ta’ malajr. Jekk din il-liġi titneħħa sal-2021, tagħti iżjed ċans biex isiru pjanijiet minn naħa tal-gvernijiet u negozji.