“Mhux se tgħidli iktar bonġu; mhux se ssaqsini iktar x’se ssajjar”

Xita ta’ kummenti ppersistew fuq il-mezzi soċjali jsellmu lil Daryl Aloisio, ir-raġel ta’ 36 sena mill-Fgura, li miet wara li ħabat bil-mutur fi Triq il-Kosta lbieraħ waranofsinhar.
Fosthom missieru Simon, li kiteb li jinsab bla kliem, li mhu se jinsieh qatt u li jħobbu ħafna. Irrimarka li issa mhux se jgħidlu iktar bonġu u lanqas mhu se jsaqsih x'għandu jsajjar.
Ħafna għadhom ukoll jesprimu x-xokk tagħhom, il-qalb maqsuma u d-dieqa, filwaqt li jfaħħruh għal kemm kien persuna tal-ġenn, edukat u daħkan.
DJ Ryan Spiteri, ħabib kbir ta’ Daryl, se jiddedika minuta silenzju waqt il-party li se jkollu f’Gianpula nhar is-Sibt li ġej. Fuq Facebook, Spiteri appella biex kulħadd jixgħel xi tip ta’ LED, torch jew lighter waqt din il-minuta.
“Ma tgħaddix ġurnata li ma nibagħtux lil xulxin – nitkellmu fuq il-futbol u fuq mitt elf ħaġa oħra. Qatt ma qabditni rogħda f’ħajti daqs illum”, stqarr ħabib ieħor ta’ Daryl, li minbarra li kien dilettant tal-muturi kien ikollu partitarju tal-Hibs.
Ieħor kiteb kif nhar is-Sibt iltaqa’ miegħu u qabel telaq qallu biex jieħu ħsieb u jsuq bil-galbu.
Oħrajn jiftakruh bħala instructor tal-gym fejn kien jaħdem. Magħruf ukoll mal-gruppi tal-body building.