Mhux se tbeżżgħuna: Bla ġustizzja u verità m’hemmx għaqda

Friends, family members and Michael Vella and Rose Vella, parents of anti-corruption journalist Daphne Caruana Galizia, take part in a protest march on the second anniversary of her murder, in Valletta, Malta October 16, 2019. The banner reads, "Truth and justice". REUTERS/Darrin Zammit Lupi

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex fi stqarrija maħruġa t-Tlieta poġġew b’mod ċar it-trepied li fuqu, u fuqu biss, jista’ l-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi politika, legali u kostituzzjonali li ġiet imposta fuqu. Ħasra kbira li din il-kriżi ġiet ikkawżata minn min kellu d-dmir li jevitaha; u ġiet ikkawżata biex il-ħażin ma jinqabadx.

Dan it-trepied li semmew l-Isqfijiet jikkonsisti fl-għaqda, fil-verità u fil-ġustizzja.

Fl-ewwel paragrafu tal-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet, bir-raġun, semmew il-ħtieġa li naħdmu flimkien għall-verità u għall-ġustizzja. Imbagħad fit-tieni paragrafu semmew il-ħtieġa tal-għaqda. Huma semmew il-kliem ‘ġustizzja’ u ‘verità’ ħafna drabi, u dan ukoll bir-raġun għax bla ġustizzja u verità ma jistax ikun hemm għaqda.

Hawn min jitkellem fuq l-għaqda iżda jibża’ jsemmi l-verità u l-ġustizzja. Min jagħmel hekk juri li ma jafx x’inhi għaqda. Min jagħmel hekk irid jgħatti x-xemx bl-għarbiel u mhux iġib l-għaqda. Kif jgħidu l-Ingliżi: unity is made of sterner stuff.

Arrestaw lill-kriminali kollha

Quddiem il-kriżi legali, politika u kostituzzjonali li għaddej minnha pajjiżna jrid ikun hemm bidliet radikali. Il-Membru Parlamentari Laburista Robert Abela saħaq li għall-Partit Laburista u għal Malta, dan hu l-mument ta’ bidla mill-għeruq, mhux bidla kożmetika. Insista li m’hemmx għażla jekk issirx jew le.

It-tfitxija għall-ġustizzja u l-verità ġġib għaqda ta’ veru wara li jitqaċċat il-ħażin li jfixkel l-għaqda. Jekk il-kriminali ma jiġux ikkastigati ma jistax ikun hawn għaqda. U s-suspetti li mhux kollox qed isir biex jiġu kkastigati l-kriminali kollha mhux suspetti fil-vojt.

Mhux se tbeżżgħuna

It-tfittxija għall-verità ma ssirx b’attakki fuq il-ġurnalisti indipendenti li jfittxu l-verità.

L-attakki organizzati, jekk mhux ukoll imħallsa, fuq Facebook, biex jheddu u jippruvaw isoddu ħalq il-midja indipendenti la jgħinu l-verità u lanqas jgħinu l-ġustizzja. B’konsegwenza dawn l-attakki huma tip ta’ vjolenza li ttellef l-għaqda.

La l-verità u lanqas il-ġustizzja ma kienu moqdija mill-attakki li l-Onorevoli Agius Decelis għamel fuq il-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt. Dak li qal dalgħodu Agius Decelis fil-Parlament ma hemm xejn onorevoli fih.

Veru qegħdin sew!  Issa membru tal-Kabinett jattakka l-vittma minflok attakka l-aggressur. Dan forsi għax l-aggressur huwa x-xufier ta’ membru ieħor tal-Kabinett.

F’dan id-dawl kellhom aktar minn mitt elf raġun l-Isqfijiet ta’ pajjiżna li jappellaw biex naħdmu lkoll biex l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu d-dover tagħhom bir-reqqa u b’mod imparzjali.

Kellhom ukoll mitt elf raġun li jappellaw kontra l-użu tal-vjolenza fiżika u bil-kliem.

Lil dawk li qed jattakkawna ngħidulhom li mhux se jbeżżgħuna. La bżajna fil-passat u lanqas mhu se nibżgħu fil-futur. Attakkawna kemm tridu iżda Newsbook.com.mt jista’ jassigura lill-qarrejja tiegħu kollha li se nibqgħu nxandru stejjer esklussivi u nikxfu dak li ħaddieħor irid jaħbi. Hekk biss inservu l-għaqda.