Mhux se noħroġ għall-mexxej tal-PL – Miriam Dalli

Aġġornat 05:46 PM

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li wara li kkunsidrat l-affarijiet kollha, iddeċidiet li ma tikkontestax għall-mexxej tal-Partit Laburista. Fuq Facebook, Dalli rringrazzjat lil kull min taha l-appoġġ u ħeġġiġha biex toħroġ għal din il-kariga. Wiegħdet li se tibqa’ taħdem bis-saħħa kollha tagħha, biex fil-Parlament Ewropew trodd lura l-fiduċja li wrewha ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Fil-jiem li għaddew, il-Partit Laburista ħabbar li fid-9 ta’ Diċembru se jinfetħu n-nomini għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-partit. Dan wara li l-Eżekuttiv Nazzjonali tiegħu approva l-proċess li bih se ssir l-elezzjoni.  L-Eżekuttiv approva l-aġenda u d-dati għall-Konferenza Ġenerali u l-Kungress tal-membri. In-nomini jagħlqu l-Erbgħa 11 ta’ Diċembru 2019. Intqal li f’każ ta’ iktar minn żewġ kandidati jkun hemm vot fis-7 ta’ Jannar biex l-iktar tnejn li jġibu ammont ta’ voti jgħaddu għall-votazzjoni tal-Kungress. 

Dan il-proċess skatta wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar li ġej. F’messaġġ imxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM, il-Prim Ministru qal li huwa lest jerfa’ r-responsabbiltà anke fl-affarijiet li m’għandux x’jaqsam magħhom.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rrikorra għal Facebook biex jirreaġixxi għat-tħabbira ta’ Miriam Dalli. Filwaqt li ddeskriviha bħala ħabiba u kollega, Fearne qal li jinsab ċert li hu u Dalli se jkomplu jaħdmu spalla ma’ spalla biex ikomplu jibnu fuq is-suċċess li twettaq. “Miriam għandha ħafna x’tikkontribwixxi lil dan il-partit, illum u fis-snin li ġejjin. Inħarsu ‘l quddiem flimkien”, kompla jgħid.

Intant, Dr Peter Agius irreaġixxa immedjatament għal din l-aħbar u qal li Miriam Dalli kienet meqjusa bħala l-aħjar talent fil-Partit Laburista. Filwaqt li qal li ma jafx x’kienet il-motivazzjoni tagħha, staqsa jekk jistax ikun li l-ħmieġ li qed jinqala’ f’dawn il-ġimgħat qed jidher jinten wisq biex tixkupah ‘il barra.

L-MEP Miriam Dalli kienet meqjusa bħala l-aħjar talent fil-Partit Laburista. Ma nafx il-motivazzjoni tagħha iżda nsaqsi,…

Posted by Peter Agius on Thursday, December 5, 2019