Il-BOV jikkonferma li reġa’ nieda l-iskemi tal-irtirar

Il-Bank of Valletta (BOV) iddikjara li reġa’ nieda l-iskemi tal-irtirar għall-impjegati, wara ftehim mal-union biex dawn l-iskemi jiġu estiżi b’aktar flessibilitajiet.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-artiklu ta’ The Sunday Times of Malta, li allega li l-bank se jkeċċi għadd ta’ ħaddiema fiż-żmien li ġej biex inaqqas l-ispejjeż, il-Bank stqarr li m’hemm l-ebda intenzjoni li jsir dan, “anzi bħalissa qed ifittex persuni ġodda biex ikompli jkabbar l-għadd ta’ ħaddiema tiegħu”.

Il-bank sostna li waqt ftehim kollettiv li ġie deċiż mal-union, ħafna ħaddiema esprimew it-talba sabiex jinżammu l-iskemi tal-irtirar. Qal li kull ma kien qed jagħmel il-bank kien li jżomm il-wegħdiet tiegħu lill-ħaddiema.

Kif jintgħażlu l-membri tal-bord tal-Bank?

Intant il-bank ikkjarifika wkoll il-mod kif jingħataw il-karigi tagħhom il-membri tal-bord tal-bank. Qal li filwaqt li l-ġurnal allega li huwa l-Gvern li jiddeċiedi l-maġġoranza tal-pożizzjonijiet, dan mhux minnu. Spjega li l-Gvern jiddeċiedi dwar żewġ diretturi, wieħed minnhom huwa ċ-Chairman tal-bord. Intant, żewġ diretturi oħra jiġu appuntati ex officio: il-Kap Eżekuttiv u ċ-Chief Risk Officer. Żewġ diretturi oħrajn jintgħażlu mill-bord skont l-esperjenza tagħhom. Il-bqija tad-diretturi jingħataw il-kariga wara vot fil-laqgħa ġenerali annwali.