“Mhux se niskartaw konsegwenzi politiċi” – Fearne

Read in English.

Il-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-prijorità bħalissa hija li jingħalaq il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Madanakollu insista li ma jfissirx li l-konsegwenzi politiċi se jiġu skartati.

Fearne qal dan f’kumment mal-ġurnal timesofmalta.com dalgħodu. Hu sostna li kull min kien involut fil-każ tal-assassinju għamel ħsara kbira u kważi rriparabbli lill-pajjiż. Qal li bħalissa, il-Gvern qed jaħdem sabiex jirripara r-reputtazzjoni tal-pajjiż. Qal li hu jinsab konvint li l-Pulizija qed jagħmlu xogħolhom filwaqt li insisita li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Hu għamel referenza għal-laqgħat li se jkun hemm għaddejja fil-jiem li ġejjin fi ħdan il-Partit Laburista, inkluż dik tal-grupp parlamentari li mistennija tibda minn ħin għall-ieħor. Insista li d-deċiżjonijiet ma jibżgħux joħduhom hekk kif ħadd mhu akbar mill-pajjiż u lanqas mill-partit. Insista li kulħadd irid jirrispondi għal-liġi u ħadd mhu fuq il-liġi.

Il-Ministru Fearne ġie mistoqsi jekk jaqbilx li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jibqgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom. Madanakollu hu ddeċieda li ma jweġibx għal din id-domanda.

Intant, Newsbook.com.mt tkellem mal-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli li qalet li dak li għandha tgħid dwar is-sitwazzjoni kurrenti u dwar riżenji ta’ membri fil-Gvern, se tkun qed tgħidu fil-Grupp Parlamentari.