Mhux se nirriżenja – Muscat; l-Oppożizzjoni toħroġ mill-kamra

Miguela Xuereb

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu mhux se jirriżenja u li se jkompli jmexxi l-pajjiż f’dan il-mument delikat. Żied jgħid li hu jieħu d-deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fatti u li llum la l-Ministru Konrad Mizzi u lanqas iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri ma ssemmew fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li hu m’għandux dik l-informazzjoni.

Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Fil-Parlament, Dr Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, li staqsa lill-Prim Ministru jekk keċċiex jew hux se jkeċċi lil Schembri u Mizzi.

Aktar kmieni l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-partiti ż-żgħar u s-soċjetà ċivili appellaw lil Joseph Muscat jerfa’ r-responsabbiltà politika u jieħu azzjoni.

Filmat: Erfa’ r-responsabbiltà politika – Delia lil Muscat

Ara l-kummenti dwar l-iżviluppi ta’ dalgħodu

“Se nissottometti ruħi għall-iskrutinju sħiħ ta’ din il-kamra”

Dr Joseph Muscat stqarr li wara l-iżviluppi ta’ dalgħodu bl-arrest ta’ sid 17 Black Yorgen Fenech, hu kkonsulta mal-investigaturi, u se jkun qed jagħmel stqarrija dettaljata fil-Parlament u se jwieġeb bid-dettalji kollha li għandu.

Irrimarka li se jkun qed jissottometti ruħu għall-iskrutinju sħiħ tal-kamra, filwaqt li indika li possibilment dan isir il-ġimgħa d-dieħla, bi stqarrija ministerjali tradizzjonali jew b’seduta speċjali. Fisser li meta dan isir jiddependi mill-andament tal-investigazzjonijiet.

Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”

“Se niġi quddiemkom biex nagħti l-informazzjoni kollha li ma stajtx nagħti fl-aħħar sentejn”, kompla jgħid Muscat li insista li mhux se jkun qed jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu u se jkompli jmexxi l-pajjiż. Dr Muscat qal li l-liġi, l-istat u hu qatt ma ħarsu lejn wiċċ ħadd, u mhux se jiddejjaq jieħu d-deċiżjonijiet. Temm jgħid li mhux se jaqa’ għall-provokazzjonijiet u li se jkun qed jagħmel xogħlu.