Mhux se nirriżenja – Konrad Mizzi

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi insista li m’għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja. Saħaq li hu ma għandu xejn x’jaqsam mal-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. “Għaliex għandi nassumi responsabbiltà li mhix assoċjata miegħi?” kompla jgħid.

Żied jgħid li ħassu “offiż” li ismu seta’ kien fost dawk li seta’ semma sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech biex jieħu l-maħfra presidenzjali.  

Nhar l-Erbgħa, il-Ministru Mizzi qal lill-ġurnalisti li ma jiftakarx meta l-aħħar iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, u xejjen li t-tnejn li huma qatt iddiskutew lil Caruana Galizia. Żied jgħid li hemm nies fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra li għandhom relazzjonijiet profondi miegħu.

Il-Ministru Konrad Mizzi flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri qed jaffaċċjaw diversi sejħiet biex jirriżenjaw. Dan fid-dawl tal-arrest ta’ Yorgen Fenech nhar l-Erbgħa li għadda, li qed jitqies bħala “persuna ta’ interess” fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista.

Is-sejħiet għar-riżenji qed jiġu anke minn membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Fost l-oħrajn, dalgħodu, il-Ministru Evarist Bartolo fuq Facebook wera li jrid lil Konrad Mizzi u Keith Schembri jwarrbu.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li l-Gvern mhux se jiskarta l-konsegwenzi politiċi.

Meta mistoqsi dwar jekk Keith Schembri għandux jirriżenja, Konrad Mizzi qal li l-mistoqsijiet għal Schembri għandhom isiru lil Schembri. Iżda saħaq li Schembri għamel ħafna ġid għall-pajjiż.