Mhux se nippermetti li Għawdex isir blokka konkrit – Caruana

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li mhux se tippermetti li Għawdex isir blokka konkrit. Dan qalitu waqt il-mozzjoni mressqa mill-Gvern fuq il-proġett dwar il-mina bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru qalet li fost il-biżgħat tan-nies hemm li Għawdex jista’ jsir estensjoni ta’ Malta u jibdew telgħin blokok tal-konkrit. Hija qalet Għawdex jinbidel jekk iriduh jinbidel in-nies .

Il-Ministru qalet li ġie kkonfermat minn diversi studji li bil-proġett tal-mina, Għawdex se jkollu iktar investiment, impjiegi ta’ kwalità, inqas telf ta’ ħin, aktar profitti għas-settur privat u pagi aħjar għall-ħaddiema.

Dr Caruana qalet li l-ebda ħaddiem tal-Gozo Channel mhu se jitlef l-impjieg tiegħu iżda bis-sitwazzjoni preżenti l-ħaddiema jridu jbiddlu l-prattiċi tagħhom bl-introduzzjoni ta’ fast ferry u servizzi oħra.

Hija tkellmet dwar il-martirju li jgħaddu minnu l-Għawdxin li ta’ kuljum jivvjaġġaw lejn Malta.

M’hemm l-ebda proġett li fih vantaġġi biss; il-PN l-ewwel partit favur – Said 

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ħabbar li l-Oppożizzjoni kienet se tappoġġja lill-Gvern fuq il-proġett tal-mina. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien l-ewwel li ħa pożizzjoni dwar il-mina ferm qabel il-Partit Laburista, li fi kliemu għall-ewwel kien xettiku.

Said iddeskriva dan il-mument bħala wieħed importanti għax wara disa’ snin dan il-proċess qed jieħu żvolta ġdida. Huwa qal li fl-2011 il-Gvern Nazzjonalista kien ġab esperti u kumpanija bħal Malt Macdonald, li kienet għamlet rapport, u li dan kien l-ewwel pass importanti fi proċess twil. Fisser li dan huwa proċess li mess tliet leġiżlaturi.

Il-Gvern kien studja għal tliet snin ma’ kumpanija Ċiniża, u ġie konkluż li pont ma kienx l-aħjar għażla. Saħaq li l-impenn politiku qiegħed hemm miż-żewġ naħat. Insista li dan il-proġett fih aktar vantaġġi minn żvantaġġi. Fl-istess waqt iċċara li m’hawn l-ebda proġett li fih vantaġġi biss.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni hija favur il-prinċipju tal-konnettività bejn Malta u Għawdex imma trid li l-interess ta’ Għawdex jigi żgurat fl-aħjar interess ta’ Għawdex u l-Għawdxin, tas-sostenibbiltà ambjentali u tal-governanza tajba.

Il-Partit Nazzjonalista qal li għaldaqstant l-Oppożizzjoni qed tressaq emendi għall-mozzjoni tal-Gvern u tesiġi li l-Gvern jippubblika l-istudji kollha li diġà tlestew minnufih, ikompli għaddej bl-istudji neċessarji u jippubblika dawn l-istess studji ġaladarba jitlestew u jiżgura li jsiru l-istudji kollha meħtieġa bħall-Environmental Impact Assessment u l-Istrategic Environment Assessment kif ukoll studju dwar possibbiltà tal-użu tat-trasport tal-massa. Dan b’rispett lejn il-ġid komuni u l-interess tal-pajjiż.