Il-ħbieb ta’ Julia Marra, it-tfajla li tilfet ħajjitha traġikament wara li waqgħet erba’ sulari f’Tas-Sliema qalu li mhux se jinsew id-daħka tagħha.
Dan kien wieħed fost xita ta’ kummenti fuq ir-ritratti tat-tfajla fuq il-profil tagħha ta’ Instagram.
Oħrajn irringrazzjawha talli b’xi mod kienet ta’ għajnuna għalihom permezz tal-ħbiberija tagħhom. Għexieren taw il-kondoljanzi tagħhom lill-familja tagħha u qalu li se jitlobu għaliha. Diversi persuni oħrajn iddeskrivewha bħala anġlu.
Iż-żagħżugħa tilfet ħajjitha t-Tlieta li għadda wara li waqgħet għoli ta’ erba’ sulari minn ġo gallarija f’Tas-Sliema, fiż-żona ta’ Fort Cambridge. It-tfajla, Taljana li għandha 15-il sena u hija residenti San Ġwann, tilfet ħajjitha fuq il-post. Hija kienet ġo appartament f’Tigné Point.