Mhux se nillaxkaw miżuri – Il-Gvern Ingliż

NEXU Science Communication/via REUTERS

Fl-Ingilterra, il-Gvern qal li mhux minnu li qed jikkunsidra li jillaxka l-miżuri tal-lockdown li daħlu fis-seħħ minħabba l-imxija tal-coronavirus. Skont rapporti fil-midja, ir-Renju Unit kien qed jippjana li jerġa’ jiftaħ l-iskejjel u jaċċetta gruppi żgħar fil-pubbliku.

Insista li l-miżuri kurrenti għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ir-rata ta’ mwiet tibda tonqos.

Il-Ħadd filgħodu fuq Twitter, is-Segretarju għall-Edukazzjoni Gavin Williamson serraħ ras l-iskejjel u l-ġenituri, li l-iskejjel jiftħu biss meta l-pariri xjentifiċi jindikaw li hu żmien tajjeb.

L-iskejjel fir-Renju Unit ingħalqu x-xahar li għadda għall-istudenti kollha, ħlief għal dawk li l-ġenituri tagħhom huma tobba, infermiera u delivery persons.

Iċ-ċifri l-ġodda qed jindikaw li n-numru ta’ mwiet fid-djar tal-anzjani fl-Ingilterra huwa ferm ikbar minn dawk irreġistrati s’issa. Qed jiġi stmat li mietu aktar minn 4,000 persuna bil-coronavirus fi djar tal-anzjani u dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn