Bżonn li l-klabbs ikollhom persuna mħarrġa fl-ewwel għajnuna

Read in English.

Wara l-inċident li seħħ lill-captain tat-tim ta’ Santa Venera, il-Malta Resuscitaion Council u l-Malta Red Cross ħeġġu lill-klabbs kollha biex tal-inqas ikollhom persuna waħda imħarġa kif għandha tagħti l-ewwel għajnuna u tuża l-AED. Dan biex b’hekk għal kull logħba jkun hemm persuna li tista’ tagħti l-għajnuna tagħha jekk jerġa jiġri xi inċident simili.

L-għaqdiet stqarru li t-trasport lejn l-isptar hu sekondarju f’dawn il-każijiet. Qalu li l-ewwel irid ikun hemm xi ħadd li hu kapaċi jagħti kompressjonijiet fis-sider tajba u jaf juża l-Automated External Defibillator (AED).

Il-plejers ta’ Santa Venera mhux se jilagħbu logħba oħra jekk ma jkunx hemm ambulanza preżenti.

Plejer tal-football tat-tim ta’ Santa Venera Lightnings FC qal li hu u l-membri l-oħra tat-tim mhux se jkunu qed jilgħabu aktar logħob tal-football jekk ma jkunx hemm preżenti ambulanza.

Dan qalu fuq Facebook wara li lbieraħ, ambulanza damet ma waslet fuq il-post 30 minuta minn x’ħin il-captain tat-tim, Yau-Mun Law kellu problemi serji f’qalbu. Hu ntilef minn sensih 44 minuta fil-partita bejn it-tim ta’ Santa Venera u Kirkop United. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-plejer jinsab f’qagħda kritika.

Aqra: Plejer ta’ Santa Venera jintilef minn sensih fil-grawnd; jgħinuh infermier u fotografu

Intant, Shamison Farrugia, sostna li Law ngħata s-CPR għax qalbu waqfet u ma kienx hemm ambulanza viċin il-grawnd biex tagħti assistenza immedjata. Insista li hemm bżonn li jkun hemm ambulanza stand-by waqt il-logħob tat-Tielet Diviżjoni, kif ikun hemm waqt dawk tal-Premier. Qal li t-timijiet tad-diviżjonijiet differenti jilgħabu l-istess partiti u jsegwu l-istess regoli.

Kompla jgħid li hu u l-membri tat-tim tiegħu kollha għandhom familji d-dar, u mhumiex lesti li jikkawżawlhom saram biex jilgħabu logħba football fejn is-saħħa tagħhom ma tiġix rispettata.

Infermier u fotografu taw l-ewwel għajnuna lil Law fuq il-grawnd sakemm tfaċċat l-ambulanza.

MFA DISGRACE … OUR TEAM MATE IS GETTING THE CPR BECAUSE HIS HEART STOPPED AND NO AMBULANCE NEAR THE GROUND FOR…

Posted by Shamison Farrugia on Thursday, October 31, 2019

Hu u jitkellem ma’ Jesmond Saliba fuq il-breakfast show ta’ 103 Malta’s Heart, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li hu inkwieta ferm malli sar jaf x’ġara. Sostna li hawn qed nitkellmu fuq ħajja ta’ persuna u b’hekk qed iqumu ħafna mistoqsijiet. Fosthom, f’postijiet ta’ attività fiżika u sportiva, għandux jkun hemm aktar attenzjoni f’dak li jista’ jinqala’ u jekk jeżistix biżżejjed taħriġ għall-istaff. Qal li l-ħsibijiet tiegħu jinsabu mat-tim ta’ Santa Venera.

Intant, fuq 103 Malta’s Heart, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudio Grech qal li hija xi ħaġa xokkanti li tara plejer tal-football fi stadium professjonali tal-MFA jgħaddi minn xi ħaġa bħal din. Qal li hija xi ħaġa ferm inkwetanti meta wieħed jara li r-riskju li spiċċat fiha l-ħajja ta’ plejer żagħżugħ, li huwa raġel tal-familja u li ma ngħatatlux għajnuna immedjata mill-isptar. Dan hekk kif ma kienx hemm ambulanza preżenti. Staqsa “kif jista’ jkun li fis-sena 2020 ma għandniex affarijiet bażiċi fejn partita football ma jkollhiex ambulanza preżenti?” L-appell tiegħu huwa li dawn iċ-ċirkustanzi ma jkunux aċċettati fis-soċjetà tal-lum.