Mhux se niġi intimidat mill-FIAU – David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li mhux se jiġi intimidat minn azzjoni legali mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
F’risposta għall-ittra li l-FIAU kitbet lill-editur ta’ The Sunday Times of Malta, Casa qal fuq Facebook li l-FIAU qed tipprova tagħmel sarima mal-kritiċi tagħha. Żied jgħid li mhux talli hemm dubju dwar l-integrità tal-FIAU, iżda talli l-integrità tal-aġenzija waqgħet f’biċċiet.
Casa qal li l-fatt li l-Aġenzija ppruvat taħbi rapport tagħha stess turi li mhix qed tagħmel xogħolha jew li hija kompliċi fil-każ imsemmi. Huwa qal li għandu kopja ta’ dan ir-rapport.
Fl-ittra ppubblikata fis-Sunday Times, il-Bord tal-Governanza tal-FIAU jgħid li l-Aġenzija għandha kull dritt li tieħu azzjoni legali biex tipproteġi l-integrità tagħha. Il-Bord ikkritika artiklu li kien deher fl-istess gazzetta li kien jgħid li l-eksimpjegat tal-FIAU Jonathan Ferris ġie mwaqqaf milli jieħu rapport fil-Qorti. Skont l-artiklu, dan ir-rapport kien jitlob li tittieħed azzjoni kriminali kontra l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Fl-ittra l-Bord qal li l-aġenzija dejjem wettqet id-dmir tagħha skont il-liġi. Il-Bord ikkritika wkoll l-aġir tal-eksimpjegat tagħha, Jonathan Ferris.