“Mhux se nħallu l-Air Malta tispiċċa bħal-linja tal-ajru ta’ Ċipru” – Joseph Muscat

Mhux se nħallu li l-Air Malta, tispiċċa bħal-linja nazzjonali ta’ Ċipru.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ li fiha saħaq li l-Gvern se jieħu d-deċiżjonijiet kollha importanti biex jassigura li l-Air Malta tibqa’ fuq saqajha għax il-pajjiż hekk għandu bżonn.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħolqien tax-xogħol u l-ġid li qed joħloq u li jixtieq ikompli joħloq il-Gvern biex iħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies.
Semma fost l-oħrajn li l-ommijiet li se jkunu qed jaddottaw lit-tfal se jingħataw l-istess benefiċċji li jieħdu ommijiet li jwelldu lit-trabi.
Il-Mexxej Laburista qal li l-familji li qed jibbenefikaw miċ-childcares bla ħlas, qed jiffrankaw sa €4,000. Spjega li dan ifisser kif filwaqt li l-Gvern qed iżid il-flus fl-ekonomija tal-pajjiż, għax il-ġenituri qed jibqgħu jaħdmu, fl-istess ħin qed jibqa’ aktar flus fil-bwiet tan-nies.
Joseph Muscat qal li jrid li l-Gvern ikun koalizzjoni ta’ dawk li jaħdmu u joħolqu x-xogħol. Kompla li l-Gvern irid jgħaqqad lill-ħaddiem ma’ min iħaddem għax hekk biss jista’ jinħoloq aktar ġid.
F’sena waħda, spjega l-Prim Ministru, żdiedu 6,500 il-persuni li qegħdin fid-dinja tax-xogħol. Qal li dan huwa “kejl li x-xogħol qed jiżdied u hawn aktar xogħol minn fejn wieħed jista’ jagħżel.”
Żied jgħid ukoll li f’sena, f’Għawdex inħolqu 300 post tax-xogħol ġdid.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qgħad u spjega li l-qgħad qed jonqos b’għaxar persuni fil-ġimgħa. Fost iż-żgħażagħ, Muscat qal li l-qgħad naqas bi 30% u bi 18% fost il-persuni b’diżabilita.
Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ ottimist li joħloq aktar ġid u jqassmu b’mod ġust fost dawk li huma bieżla, u dawk li jixtiequ jaħdmu imma ma jistgħux minħabba diversi ċirkostanzi tal-ħajja.