Aġġornata: “Mhux se nħalli min jitfa’ dell ikrah fuq il-Korp” – Il-Ministru għall-Intern

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li mhux se jħalli lil min jagħmel dell ikrah lill-korp.
Waqt ċerimonja li fiha 74 pulizija ġew onorati b’midalja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Farrugia qal li hemm bżonn aktar ħidma biex ir-rispett lejn il-pulizija jiżdied. Sostna li l-impenn tal-Gvern u tal-Ministeru huwa li jkun hemm pieni iktar ħorox għal kull min jagħmel vjolenza fuq uffiċjal.
Il-Ministru Farrugia qal li l-Pulizija jridu jkunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol. Spjega li qed isiru taħdidiet fuq l-uniformijiet il-ġodda, flimkien ma’ xiri ta’ apparat ġdid biex l-uffiċjali jkunu sikuri waqt il-ħidma tagħhom.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, qal li l-iskop ta’ din iċ-ċerimonja huwa li l-istat jirrikonoxxi x-xogħol u żmien li fih ikunu servew dawn il-membri tal-Korp. Fi kliem Cutajar, mhux faċli biex persuna sservi fil-Korp tal-Pulizija f’dawn iż-żminijiet. 
Skont il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, din is-sena 17-il pulizija u eks pulizija ngħataw il-medalja għal servizz twil u effiċjenti wara li għalqu 18-il sena  servizz. 37-il pulizija u eks pulizija ngħataw l-ewwel clasp wara 25 sena servizz u 28-il pulizija u eks pulizija rċevew t-tieni clasp tagħhom wara 30 sena ta’ servizz. F’din iċ-ċerimonja ġew imqassma b’kollox 82 midalja.
Sadanittant f'ċerimonja oħra, din id-darba fil-barracks ta' Ħal Luqa, 49 membru u eksmembru tal-Forzi Armati ta' Malta ngħataw medalja għal servizz twil u effiċjenti. 
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li sempliċiment filmat li ħarġu l-korpi dixxiplinati ftit tal-jiem ilu, kien biżżejjed biex ibiddlu ċertu ħsibijiet li kellhom xi wħud fuq ix-xogħol tal-FAM.
Il-Ministru ħabbar li flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qed jevalwaw il-ftuħ ta’ kors fl-MCAST għal dawk li eventwalment jidħlu bħala rekluti malli jagħlqu t-18-il sena.
F’din iċ-ċerimonja 7 membri ngħataw il-Midalja tas-Servizz Twil u Effiċjenti, li tingħatha mat-18-il sena servizz; 29 membru ngħataw l-ewwel clasp, li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; u 13-il membru ngħataw t-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.