“Mhux se nħalli min irewwaħ il-mibegħda u r-razziżmu” – Muscat

Il-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Joseph Muscat saħaq li minkejja li Malta tibqa’ l-ewwel għall-Gvern, mhux se jħalli lil min irewwaħ il-mibegħda u r-razziżmu dwar l-immigranti irregolari.
Waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, fid-dawl ta’ dak li qal il-Ministru għall-Intern Taljan li Malta ma tistax tibqa’ tgħid ‘le’ kull darba li tintalab issalva l-immigranti, Dr Muscat saħaq li s-salvataġġ tal-ħajjiet se jibqa’ prijorità tal-Gvern.
Sostna li Malta mxiet u se tkompli timxi mar-regoli kollha internazzjonali f’din il-kwistjoni. Enfasizza li l-gvernijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għandhom jagħmlu l-istess u mhux jitilqu għal riħhom.
Joseph Muscat insista li Malta għamlet hekk din il-ġimgħa u li dan jista’ jissostanzjah b’fatti dokumentati.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif l-interess tal-Gvern Malti hu li jkollu l-aħjar relazzjoni ma’ dak Taljan, għax fi kliemu l-interessi taż-żewġ pajjiżi fuq din il-kwistjoni huma identiċi.
Iffriżar Embrijuni: “Ikkonsultajna u għamilna xi emendi”
Dwar l-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Joseph Muscat semma kif wara li saret konsultazzjoni, il-Gvern għamel xi emendi.  
Stqarr li l-kwistjoni tal-kiri tal-ġuf se tiġi ttrattata b’mod separat, filwaqt li fi kliemu ġie aġġustat il-punt tal-anonimità tad-donatur. 
Dr Muscat enfasizza kif fl-istess waqt il-Gvern żamm il-prinċipju importanti li jespandi dak li għandu x’jaqsam mal-iffriżar tal-embrijuni.
“L-ekonomija tikber bid-doppju tal-UE”
Tkellem ukoll dwar l-ekonomija u rrimarka kif il-figuri juru li l-ekonomija Maltija qed tikber bid-doppju ta’ kemm qed tikber l-ekonomija Ewropea.
Joseph Muscat semma l-kumpanija tat-telefonija, YOVO, li din il-ġimgħa ħabbret li se twaqqaf il-kwartieri ġenerali tagħha f’Malta u fil-bidu se tħaddem mat-30 persuna. Fakkar kif din il-kumpanija se tinvesti €20 miljun.
Il-Mexxej Laburista għamel referenza wkoll għall-15-il sena tal-Luftansa Tecknik f’Malta, li stqarr bdiet minn amministrazzjoni preċedenti.