“Mhux se nħalli lill-PM jigdeb qisu xejn mhu xejn” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil spjega dawk li hu sejħilhom bħala “gibed” li fi kliemu għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ waqt id-dibattitu u dalgħodu waqt konferenza f’Kastilja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Nazzjonalista qal li l-pajjiz qiegħed jassisti għal “cover-up kolossali,” għax fi kliemu l-Prim Ministru għandu kunflitt ta’ interess u għalhekk tenna mill-ġdid li għandu jirriżenja.
“Kif tista tkun taħt investigazzjoni u tassigura li l-investigazzjoni ssir sew,” staqsa Dr Busuttil.
Simon Busuttil jgħid li l-indirizz huwa l-istess wieħed li jidher fil-Panama Papers
Dwar il-kummenti tal-Prim Ministru dwar l-indirizz li jidher fuq id-dokumenti ppublikati lbieraħ minn Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk wieħed jidħol fis-sid tal-Panama Papers isib li l-indirizz tal-kumpanija Egrant huwa l-istess wieħed li hemm fid-Decleration of Trust ippublikati minn DCG.
Żied ukoll li l-istess indirizz, f’San Ġwann, jidher għall-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
"Is-shareholders ta' Egrant huma żewġ kumpaniji oħra u mhux Brian Tonna"
Waqt li l-Prim Ministru rrepeta li l-unika sid ta’ Egrant huwa Brian Tonna, Dr Simon Busuttil qal li dokument li jinsab fuq ir-reġistru tal-kumpaniji tal-Panama juri biċ-ċar li s-shareholders ta’ Egrant huma żewġ kumpaniji oħra, Dubro Limited u Aliator u mhux Brian Tonna.
Dr Busuttil spjega li dawn il-kumpaniji kienu s-sidien ta' Egrant sa dakinhar li ġiet likwidata fis-6 ta' April ta' din is-sena. 
"Min niżżel ir-Rabat bħala l-post ta' twelid ta' Michelle Muscat bilfors li ra l-karta tal-identità tagħha"
Dalgħodu, il-Prim Ministru qal ukoll li l-post tat-twelid ta’ Michelle Muscat huwa Ħ’Attard u mhux ir-Rabat kif hemm miktub fid-dokumenti. Spjega li r-Rabat huwa msemmi biss fuq il-karta tal-identità ta’ martu. Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan ifisser li min poġġa l-kelma Rabat fuq id-dokumenti kien ra l-karta tal-identità ta’ mart il-Prim Ministru.
Wieġeb ukoll għan-nuqqas ta’ dettalji, bħan-numru tal-identità jew tal-passaport fuq fid-dokumenti u spjega li skont esperti, ġaladarba l-identità hija ċara, ma kienx hemm bżonnhom.
"Dawn il-gideb jingħaqdu mal-fatti l-oħra"
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn il-“gideb” wieħed irid jgħaqqadhom mal-fatti l-oħra, jiġifieri li l-Pulizija waslu Pilatus Bank tnax-il siegħa wara li ħarġu l-allegazzjonijiet u li l-Prim Ministru talab inkjesta wara li nħarġu d-dokumenti fil-bagalji li dehru f’id is-sid tal-Bank, Seyed Ali Sadr Hasheminejad, li deher ħiereġ mill-bieb ta’ wara tard bil-lejl.
Fakkar ukoll li l-Prim Ministru għadu ma weġibx dwar jekk Keith Schembri għandux kont mal-Bank Pilatus
Michael Briguglio u Marlene Farrugia se jitkellmu fid-dimostrazzjoni ta' għada
Dr Busuttil temm billi fakkar ukoll fid-dimostrazzjoni nazzjonali ta’ għada u qal li miegħu se jkunu qed jitkellmu s-soċjologu Michael Briguglio u l-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia
"Simon Busuttil jinsab taħt paniku" – Reazzjoni PL
B’reazzjoni għall-konferenza tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab taħt paniku tant li “spiċċa żbalja anke fuq fatti bażiċi.”
L-istqarrija tgħid li Dr Busuttil sejjaħ il-konferenza b’paniku wara d-dibattitu tal-lbieraħ li matulu “baqa’ ma ppublikax prova waħda.”
Il-Partit Laburista qal li sal-bieraħ Busuttil kien qed jgħid li fil-bagalja kien hemm il-provi iżda “issa sar magħruf li dan is-safe qatt ma eżista.”
“Issa li nqabad li qed jigdeb qed jattakka inkjesta li qed isir minn Maġistrat inkwerenti,” kompliet tgħid l-isqarrija.
Il-PL temm jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jieqaf jigdeb u “jerfa’ r-responsabiltà tal-kampanja qarrieqa li qed isir fil-konfront tal-Prim Ministru.”