“Mhux se mmorru lura għan-normal qabel ma jkollna l-vaċċin” – Fearne

Fil-Parlament il-Ministru jgħid li se jimplimenta żewġ miżuri oħra fil-ġranet li ġejjin

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jimplimenta żewġ miżuri ġodda fil-ġlieda kontra l-Covid-19 bl-għan li jibda jirrilaxxa ftit mir-restrizzjonijiet li ttieħdu f’dawn l-aħħar ġimgħat. Madanakollu huwa wissa’ li sakemm ma jinstabx vaċċin u parti kbira mill-popolazzjoni tkun imlaqqma, allura s-sitwazzjoni ma tistax titreġġa lura għal li kienet tliet xhur ilu.

Meta kien qed jirrispondi numru ta’ mistoqsijiet supplementari fil-Parlament, id-deputat Prim Ministru qal li dak li pajjiżi kbar bħal Spanja u l-Italja qed jagħmlu bħalissa hu li jirrilaxxaw numru ta’ miżuri drakonjani li Malta ma kellix bżonn tieħu. 

“Fis-27 ta’ April Spanja se tħalli lit-tfal joħorġu għal ġurnata waħda biss waqt li l-Italja se jiftħu lura l-ħwienet tal-istationeries. Dawn huma l-miżuri,” hu qal.

Sitwazzjoni ftit aħjar minn dik imbassra

Hu qal li sa issa, l-pajjiż qed jirnexxilu jbiddel tsunami fi xmara u dal li dan sar grazzi għall-koperazzjoni u d-dixxiplina tal-Maltin. Fearne żvela s-sitwazzjoni hi ftit aħjar minn dik li kienet imbassra u l-‘curve’ hija iktar baxxa minn dik li kienet l-mira tal-Gvern biex ikun f’pożizzjoni li jkollu l-kapaċità li joffri servizz tas-saħħa lil kulħadd. 

Hawnhekk, hu xejjen argumenti li saru li fl-aħħar ġimgħat li n-numru ta’ każijiet naqsu minħabba li l-Gvern biddel it-test ta’ swabbing wara li mar minn ‘temperature-regulated’ għal dawk ‘temperature-neutral’. Madanakollu, hu qal li dan l-aħħar reġgħu marru lura lejn it-testijiet oriġinali u numri baqgħu baxxi.

Huwa qal li dan kollu jista’ jintilef jekk imorru lura għal pożizzjoni li konna fiha 7 ġimgħat ilu. Huwa qal li ż-żewġ miżuri li se jieħu l-Gvern huma li sal-ġimgħa d-dieħla l-laboratorji tal-Gvern se jkunu f’pożizzjoni li jivvaliditaw ir-“rapid anti-bodies testing” li huwa test li jista’ jsir mill-individwi fil-kumidità ta’ darhom u jissostitwixxi l-iswabing u contact-tracing technology li se tkun varata fl-Ewropa kollha bl-għan li contact-tracing isir bl-għan tat-teknoloġija. Fearne qal li madanakollu, dan mhux se tagħfas fuq id-drittijiet ċivili tan-nies.

Fearne fiehem li minkejja li dawn il-miżuri se jkabbru l-kapaċità tal-Gvern u allura jippermettulu li jirrilaxxa xi restrizzjonijiet li ħa l-Gvern, kollx se jsir b’mod studjat.

Huwa qal li l-Gvern mhu ħa jippermetti lil ħadd li jieħu l-liġi b’idejh. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn