Mhux se jkunu mħabbra miżuri ġodda llum “għax il-PM imsiefer”

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Sorsi viċin il-gvern li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li bħalissa l-Prim Ministru Robert Abela jinsab imsiefer u b’hekk mhux se jitħabbru xi miżuri ġodda llum.

Dan minkejja li ż-żieda ta’ każi tal-coronavirus fil-pajjiż fl-aħħar jiem kienet waħda drastika, u propju llum il-pajjiż qabeż l-1,000 każ attiv kurrenti. Propju bejn ilbieraħ u llum kien hawn total ta’ 223 każi ġodda pożittivi rreġistrati.

Intant sorsi oħrajn li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-pubbliku għandu jistenna aktar miżuri mħabbra mill-Gvern. Is-sorsi qrib il-gvern spjegaw li l-awtoritajiet tas-saħħa dejjem ikunu qed iqisu x’miżuri jistgħu jidħlu fis-seħħ jew jitneħħew skont il-mod kif tiżviluppa l-pandemija. Is-sors ma kkonfermax jekk il-miżuri hux se jkunu qed jitħabbru jew le.

Abela bħalissa qed jattendi summit Ewropew fi Brussell.

Intant il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif skont il-Ministru Carmelo Abela, il-Ministru għas-Saħħa se jkun qed jindirizza t-tħassib dwar iż-żieda tal-każi tal-coronavirus il-ġimgħa d-dieħla.

Matul l-aħħar 24 siegħa nstabu fil-pajjiż 112-il każ ġdid ta’ coronavirus. Dan wara li saru total ta’ 2,481 swab test. Intant fiequ total ta’ 42 persuna oħra mill-virus. B’hekk il-każi attivi bħalissa fil-pajjiż huma ta’ 1,009.

Grech jitlob biex tissejjaħ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li “r-rekords li qed jikser Robert Abela huma rekords li jħammrulu wiċċu”. Hu qal dan illum wara nofsinhar waqt li kien qed jipparteċipa b’mod virtwali fl-ewwel summit tiegħu tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) mindu nħatar fil-kariga.

Insista li l-pajjiż għandu bżonn tmexxija responsabbli u strateġija ċara ta’ x’qed isir biex tiġi kkontrollata l-imxija. Hu kompla billi sellem ix-xogħol li twettaq mill-awtoritajiet tas-saħħa u rringrazzja lill-frontliners kollha li qed jaħdmu f’ċirkostanzi ta’ sfida.

Grech appella biex minnufih id-deċiżjonijiet dwar il-Covid-19 jerġgħu jkunu f’idejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u mhux f’idejn il-Prim Ministru. Dan ifisser li l-pajjiż għandu jerġa’ jitpoġġa f’Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika.

Ir-rekords li qed jikser Robert Abela huma rekords li jħammrulu wiċċu. Rekord ieħor illum hekk kif pajjiżna issa…

Posted by Bernard Grech on Thursday, October 15, 2020