L-Għawdxin jitilfu l-protezzjoni tal-Ombudsman minħabba l-privatizzazzjoni

L-Ombudsman Anthony Mifsud qal li l-ħidma tal-Ombudsman qed titnaqqar minħabba l-privatizzazzjoni.
Huwa wera l-preokupazzjoni tiegħu dwar il-privatizzazzjoni ta’ servizzi essenzjali fosthom fil-qasam tas-saħħa u tal-enerġija.
Skont l-Ombudsman, il-privatizzazzjoni ta' dawn l-oqsma tista' taffettwa ħażin lill-governanza tajba minħabba li l-Gvern mhux se jkollu kontroll fuq dawn l-oqsma.
Ir-rapport annwali tal-Ombudsman 2016 jgħid li l-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa mhux se jkunu jistgħu jaħdmu aktar fuq l-ilmenti tal-pubbliku u jinvestigaw dak li jkun qed iseħħ f’dawn is-setturi privati.
Spjega li fil-qasam tas-saħħa, kemm-il pazjenti kif ukoll il-ħaddiema fl-isptarijiet, diġà qed iħossu n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa.
L-Ombudsman saħaq li l-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jbatu l-aktar mill-privatizzazzjoni tal-isptar, hekk kif qal li “ l-popolazzjoni sħiħa tal-gżira Għawdxija mhux se jkollha aċċess għall-Kummissarju tas-Saħħa”. Dan minħabba li l-uniku sptar f’Għawdex se jkun ipprivatizzat.
F’dan il-kuntest l-Ombusdman irrakomanda lill-Parlament biex jara jekk hemmx il-ħtieġa li l-att dwar l-Ombudsman jiġi emendat. Dan sabiex jassigura li l-poplu jkun protet minnu fejn jidħlu s-servizzi essenzjali li l-Istat għandu jassigura.