Mhux se jkun hemm amnestija totali – Clayton Bartolo

Miguela Xuereb

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal fil-Parlament li mhux se jkun hemm amnestija totali tal-multi li ngħataw waqt l-imxija tal-coronavirus.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-għeluq tad-diskussjoni tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali, Bartolo qal li kontra l-impressjoni li qed jagħti d-deputat Godfrey Farrugia, il-Prim Ministru lbieraħ ma ħabbar l-ebda amnestija totali (blanket amnesty) tal-multi li ngħataw waqt l-imxija.

Hu spjega li l-Prim Ministru kien qed jirreferi għal mekkaniżmu li nħoloq biex min intortament u innoċentament qala’ ċitazzjoni tinħafirlu.

Diżrispett lejn min irriskja ħajtu – Farrugia

Ftit qabel waqt l-istess diskussjoni, Dr Farrugia kien qal li l-maħfra li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela kien att ta’ diżrispett lejn dawk l-infermiera u operaturi tas-saħħa pubblika li jirriskjaw ħajjithom biex jipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa qal li tal-inqas, il-Prim Ministru missu biddel il-multa f’xogħol komunitarju. Semma fost l-oħrajn li dawn jistgħu jaħdmu fi proġetti ambjentali bħat-tħawwil ta’ siġar. Appella li jekk ma jagħmilx dan il-Prim Ministru, għandhom ikunu l-istess persuni li kisru l-avviż legali,  li jagħmlu xogħol fil-komunità bħala sinjal ta’ ndiema.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn