Il-MIDI tiċħad li se jogħlew il-binijiet f’Manoel Island

Il-kumpanija MIDI p.l.c. qalet li l-bidliet proposti fil-Master Plan mhumiex se jaffettwaw l-għoli tal-bini f’Manoel Island, u lanqas qed jiġi kunsidrat tibdil biex tiġi żviluppata xi żona ġdida ta’ bini.

B’reazzjoni għal xi allegazzjonijiet li dehru fil-midja soċjali, il-MIDI ċċarat li l-biċċa li se tinbena hija konformi mal-proposta orġinali u l-għoli tal-bini ma jaqbiżx il-massimu stipulat.

Il-MIDI spjegat li l-pjanijiet riveduti jinkludu fost l-oħrajn tnaqqis fit-tul tal-breakwater, tibdil fid-disinn tal-marina tal-jottijiet u tal-faċilitajiet sportivi.

“Appartamenti u roundabout flok il-veduti” – Cassola

Iktar kmieni, l-eks mexxej tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-grupp tal-MIDI għamel dawn il-bidliet bil-moħbi, minkejja li wiegħdu li se jirrispettaw l-ambjent. Akkuża lill-MIDI li dawn se jgħollu l-binjiet ta’ Manoel Island minn 14.5 metri għal 18.5 metri mingħajr ma nfurmaw lil ħadd. Qal li dawn ma jistgħux jiġu afdati.

Cassola qal li r-residenti tal-Gżira se jitilfu l-veduti tagħhom biex minflok jaraw iktar appartamenti u roundabout.

“Mhux se jiżdied il-volum tal-bini” – Fondazzjoni Manoel Island

Intant fi stqarrija separata, il-Fondazzjoni ta’ Manoel Island ikkonfermat li waqt il-perijodu ta’ konsultazzjoni, kienu saru xi bidliet fil-Master Plan li ġie sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Qalet li dawn il-bidliet kienu jfissru biss trasferiment tal-binjiet residenzjali mis-settur tat-tramuntana għal nofsinhar, u li ma jfissirx li se jiżdied il-volum tal-bini. Il-Fondazzjoni sostniet l-impenn tagħha li tassigura li l-MIDI timxi mal-obbligazzjonijiet tagħha skont il-liġi.