Mhux se jittieħdu passi kriminali kontra omm Cristiano

L-ebda azzjoni kriminali mhi se tittieħed kontra l-omm li abbandunat lil binha ġewwa Buġibba f’Settembru li għadda, bil-maġistrat jgħid li dan qed isir fl-aħjar interess tat-tarbija. L-omm ma qalet lil ħadd li kienet tqila, lanqas lis-sieħeb tagħha. Esperti maħtura mill-maġistrat Joe Mifsud qalu li  jemmnu li l-mara kienet abbandunat lit-tarbija biex ikollha futur aħjar.

Li kieku l-omm ġiet ikkundannata bl-abbandun tat-tarbija, hija kien ikollha tiskonta bejn 7 xhur u sena ħabs. It-tifel, li l-Maġistrat Mifsud kien semma Cristiano wara l-istilla tal-futbol Juventin Cristiano Ronaldo, qed jgħix fil-krexx tas-Sorijiet tal-Ursulini f’Tas-Sliema, flimkien ma’ ħuh li għandu sena. Fis-7 ta’ Settembru Cristiano ġie abbandunat quddiem blokka ta’ appartamenti wara li t-tarbija twieldet id-dar mingħajr ebda assistenza medika.

Il-qorti ordnat li l-isem tal-omm kif ukoll l-ismijiet ta’ qraba oħra ma jiġux ippublikati.