Mhux se jittieħdu passi kontra pulizija li jirrapportaw abbuż b’mod anonimu

Kull uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija se jkun jista’ jirraporta allegat abbuż fi ħdan il-korp anke b’mod anonimu mingħajr ma jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih.

Din il-bidla fl-iskeda li hemm fil-liġi dwar il-pulizija inbidlet wara li l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi mexxa din il-liġi ‘l quddiem. Sa ftit taż-żmien ilu jekk membri fil-korp tal-pulizija kienu jagħmlu rapport dwar allegat abbuż b’mod anonimu u jinqabdu kienu jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom. Permezz ta’ din il-bidla huma jistgħu jagħmlu rapport anonimu skont il-proċeduri stabbiliti.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu implimentati aktar miżuri sabiex isaħħu t-trasparenza u l-kontabilità fil-Korp tal-Pulizija. Żied li ”din ir-riforma hija sinjal ċar ta’ fejn nixtiequ nieħdu lill-Korp. Irridu li internament ikun hemm sistemi fejn membru tal-Korp tal-Pulizija, mill-inqas kuntistabbli sa uffiċjali fi gradi oħra, ikun komdu jagħmel rapport anke jekk fil-konfront ta’ uffiċjali tiegħu.“

Camilleri qal li dan huwa l-ewwel pass sabiex il-Korp tal-Pulizija jkollu politika ċara kontra l-frodi u l-korruzzjoni sabiex tissaħħaħ il-governanza tajba. Matul is-sajf se jkunu qegħdin jiġu addotati numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex il-Korp tal-Pulizija jkollu politika ċara kontra l-frodi u l-korruzzjoni sabiex tissaħħaħ il-governanza tajba.