Mhux se jinqalgħu s-siġar f’Marsalforn

Is-siġar li hemm fis-sit fejn se jinbena ġnien ġdid żgħir f’Marsalforn, mhux se jinqalgħu.
Fuq Facebook, il-Viċi-Sindku taż-Żebbuġ, Għawdex, Daniel Cordina, saħaq kif ix-xogħol fuq il-ġnien ħdejn il-venda ta’ Marsalforn beda fl-aħħar jiem.
Qal li ġie infurmat li se jkun hemm xi tibdil f’kif inhu mqassam il-ġnien, u minflok ħamrija bis-siġar u pjanti kif kien se sentejn ilu, issa se jinbidel f’art tal-porfido u jiżdiedu il-bankijiet. Is-siġar li fadal mhux se jiġu maqlugħa.
Irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li ħa azzjoni li sostna li jittama li f’qasir żmien, dan il-ġnien fiċ-ċentru ta’ Marsalforn jerġa’ jitgawda mill-pubbliku kollu.
Ritratti: Daniel Cordina