Mhux se jingħataw stipendju u ma ġewx infurmati

Mhux se jingħataw stipendju l-20 student li qed jagħmlu Diploma għall-Prokuratur Legali bħala sena addizzjonali fil-kors tagħhom tal-liġi fl-Università ta’ Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li dawn l-istudenti mhumiex eliġibbli għax qed jagħmlu sena addizzjonali.
Żied jgħid li dawn l-istudenti minflok jagħżlu li jirrepetu l-istess sena fl-istess kors kif indikata fil-miżura tal-baġit, jagħżlu li jagħmlu sena addizzjonali. Spjega li dan sabiex iġibu l-credits li ma kellhomx biex ikomplu fis-sena ta’ wara kif ukoll credits biex jikkwalifikaw għall-prokuraturi legali.
Il-kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni sostna li dawn l-istudenti ma jagħmlux l-ammont ta’ credits kollu bħal fil-każ tar-repeaters u għaldaqstant ma jitqisux l-istess.
Spjega li d-deċiżjoni kienet ittieħdet mill-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti meta kienet diskussa l-miżura tal-Baġit dwar ir-repeaters.
Dwar jekk il-Ministru tal-Edukazzjoni hux mistenni jilqa’ t-talba tal-istudenti u jiltaqa’ magħhom, il-kelliem saħaq li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Bord jiltaqa’ ma’ kulħadd.
Madanakollu l-istudenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ilhom li ressqu l-ilment tagħhom min-Novembru iżda baqgħu ma semgħu xejn. Qalu wkoll li talbu laqgħa mal-Ministru nnifsu u sal-lum ma rċivew l-ebda data.
L-istudenti qalu li qed iħossuhom diskriminati għax il-kors li qed jagħmlu hu full time u f’żewġ simestri jridu jagħmlu 60 kreditu bħal kull kors ieħor fl-università.