Mhux se jingħataw kumpens għal tilqima li suppost ħadu b’xejn

Se jibqgħu b’xiber imnieħer dawk l-għexieren ta’ żgħażagħ li matul dan is-sajf marru jagħmlu xogħol ta’ volontarjat barra minn Malta u kellhom iħallsu minn buthom għal waħda mit-tilqimiet.

It-tilqima kontra l-marda tat-Typhoid tingħata b’xejn miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana lil dawk kollha li se jsiefru biex jagħmlu xogħol fil-komunità f’pajjiżi li għadhom qed jiġu żviluppati u fejn l-ikel jew l-ilma jista’ jkun kontaminat.

Fost dawn il-pajjiżi hemm il-Brażil, l-Etjopja, l-Kenja, it-Tanżanija, l-Indja u l-Perù, pajjiżi fejn f’dawn l-aħħar ġimgħat, kienu bosta l-Maltin li żaruhom għall-volontarjat.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, għadd ta' żgħażagħ li marru f’Rio de Janiero l-Brażil għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-bidu ta' Lulju u grupp ieħor ta’ seba’ persuni li nhar is-Sibt marru l-Etjopa, kellhom jixtru t-tilqima li tiswa €34.50c għaliex jekk ma jeħduhiex, setgħu jkollhom problemi ta' saħħa u anke problemi biex jidħlu fil-pajjiż. Mhux eskluż li hemm aktar persuni li kellhom jagħmlu l-istess.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk dawk li marru għall-volontarjat se jingħataw xi tip ta’ kumpens, peress li ma kienx tort tagħhom li din it-tilqima kienet skarsa, kelliem għall-Ministru għas-Saħħa wieġeb li “qatt ma kienet il-policy, lanqas fl-amministrazzjoni preċedenti, li dawk li jkollhom jixtru mediċini jew vaċċin minn buthom, jingħataw kumpens lura”.

It-tilqima kontra t-Typhoid ilha nieqsa mill-klinika tal-Furjana mill-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju. 

Iż-żgħażagħ li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u li kellhom iħallsu għat-tilqima jinsabu urtati għal dan in-nuqqas ta’ immaniġġjar min-naħa tal-Ministeru u l-aġent.  Argumentaw li ħafna mix-xogħol volontarju jsir fix-xhur tas-sajf u allura din il-problema ta’ nuqqas ta’ tilqim messha ġiet indirizzata sa mill-bidu tas-sena. Sostnew li huma ma siefrux b'kapriċċ imma biex jgħinu lil min hu batut. Saħqu li ma tagħmilx sens li jħallsu għal xi ħaġa li s-soltu tingħata mingħajr ħlas.

Madanakollu, ta' min ifaħħar id-dedikazzjoni li jagħmlu f'xogħlhom l-infermiera fi ħdan iċ-Ċentru tas-Saħħa biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu t-tilqimiet l-oħra.

Minkejja li l-aġent avża lill-Ministeru li l-mediċina se jibgħatha fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana sat-Tnejn 8 ta' Lulju 2013, din għadha sal-lum il-ġurnata skarsa. Il-Ministeru qal li għamel ordni diretta mill-Ingilterra imma l-ammonti li se jintbgħatu huma ftit minħabba li l-mediċina qiegħda tinżamm għall-pajjiż.

Sa minn Jannar sa Ġunju li għadda, 80 persuna marru ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana biex jieħdu t-tilqim minħabba xogħol volontarju.  Ma’ dawn hemm ukoll ħaddiema li jaħdmu f’setturi fejn it-Typhoid hija ta’ riskju.

Skont il-Ministeru, l-aġent xorta irid iforni lill-Ministeru għas-Saħħa b’aktar minn 2,180 doża ta’ tilqima kontra t-Typhoid, li kienu ordnati sa mill-bidu tas-sena.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.