Mhux se jġeddu l-kuntratt ta’ Ray Farrugia

Il-Bureau tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol iddeċidiet li mhux se tkun qed iġġedded il-kuntratt tal-kowċ tat-tim Nazzjonali Ray Farrugia. L-istaff tekniku wkoll mhux se jkun qed jiġġeddidlu l-kuntratt. Dan se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

Fi stqarrija l-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Futbol uriet il-gratitudni tagħha għax-xogħol li wettqu kemm Farrugia kif ukoll il-bqija tal-istaff, iġifieri Branko Nicevic, Ronald Vella, Charles Sciberras u Luca Pagani.

Fil-passat Farrugia ħa ħsieb ukoll lit-tim Malti tal-U21 u kien assistent kowċ tat-tim nazzjonali f’żewġ perjodi differenti.

Intant, l-Assoċjazzjoni qalet li qed taħdem biex timplimenta numru ta’ proġetti immirati biex jittejjeb il-livell tal-plejers magħżula man-nazzjonal. Il-proġetti huma dawn:

  • Żvilupp ta’ tim professjonali li jikkompeti barra minn Malta b’mod professjonali
  • Twaqqif tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, struttura ġdida biex issostni l-futbol fil-livelli bażiċi
  • Strateġija konsolidata ta’ logħob għal timijiet nazzjonali fil-livelli kollha