Mhux se jagħlaq ħabs kontroversjali u jgħid lill-Amerikani li dan hu l-aqwa żmien għalihom

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iddeċieda li ma jagħlaqx il-ħabs ferm kontroversjali ta’ Guantanamo Bay, biex b’hekk reġġa’ lura direttiva ta’ żmien l-ekspresident Obama li xtaq li dan jingħalaq.
F’dal-ħabs hemm miżmuma ħabsin u suspettati ewlenin ta’ terroriżmu, iżda filmati li kenu ċċirkulaw kixfu t-trattament diżuman li kienu jirċievu l-ħabsin.
Trump qal dan lill-Kungress Amerikan waqt id-diskors ċelebri bl-isem ta’ “L-Istat tal-Unjoni”, li hu wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fil-kalendarju politiku Amerikan.
Il-midja qed tirrapporta li waqt id-diskors Trump tkellem b’arja kunfidenti żżejjed, kważi kważi qisu qed jiftaħar b’dak li għamel f’sena.
Fost l-oħrajn offra l-id tal-ħbiberija lid-Demokratiċi, li qalilhom li lest jaħdem magħhom.
Tkellem dwar ekonomija Amerikana li qed tiffjorixxi, minkejja li l-popolarità tiegħu naqset sewwa fi żmien sena mindu ilu President tal-Istati Uniti.
F’messaġġ deskritt bħala “ottimist” li jikkuntrasta ferm mad-diskors tiegħu sena ilu waqt l-inawgurazzjoni bħala president, meta tkellem dwar it-tbiċċir tal-Amerka, Trump qal li qed jirnexxilu jibni pajjiż b’saħħtu, sigur u kburi bih innifsu.
“Qatt ma kien hemm żmien aħjar mil-lum biex nibdew ngħixu l-ħolma Amerikana”, saħaq Trump lil madwar 40 miljun persuna li kienu qed jarawh mill-mezzi ta’ komunikazzjoni.
Dan l-aħħar id-Demokratiċi kkritikawh ħafna meta ħa deċiżjonijiet li kissru lill-immigranti żgħażagħ li ilhom jgħixu mit-twelid fil-pajjiż, iżda lbieraħ qal li jixtieq jaħdem biex jipproteġi lil kulħadd fil-pajjiż, hu min hu.
Qal ukoll li kemm ilu president ħoloq 2.4 miljun impjieg ġdid, u s-suq tal-ishma sploda, kif ukoll il-qgħad naqas l-aktar fi 17-il sena mir-Riċessjoni l-Kbira ta’ 10 snin ilu.
Filmat: BBC