Mhux qed nistrieħu fuq Ronaldo jgħid il-Kowċ Portugiż

Il-Kowċ tal-Portugall, Fernando Santos ċaħad li t-tim jistrieħ wisq fuq il-plejer stilla Cristiano Ronaldo u qal li l-plejers kollha se jagħmlu ħilithom biex jirbħu lill-Iran fil-logħoba tat-Tnejn filgħaxija. Din il-logħoba hija deċiżiva għal Grupp B u Santos qal li l-Portugall mhux qed jaħseb li r-rebħa hija ċerta.

Kemm il-Portugall kif ukoll Spanja għandhom bżonn draw fil-logħbiet rispettivi tagħhom f’dan il-grupp, hekk kif il-Marokk diġa inqala’. L-Iran iżda mhux avversarju faċli u, taħt it-tmexxija tal-kowċ Portugiż Carlos Queiroz, jistgħu ukoll jissorprendu f’din il-logħba. S’issa it-tim Portugiż straħ sew fuq il-kapaċitajiet ta’ Ronaldo u s’issa kien Ronaldo li skorja l-erbgħa gowls li kellu it-tim Portugiż.