Mhux qed jieħdu biżżejjed folic acid qabel tqala – studju

Instab ukoll li 29.6% tat-tqaliet f'Malta ma kinux pjanati

Read in English.

Nisa f’Malta mhux qed jieħdu biżżejjed folic acid qabel tqala, skont riċerkaturi mid-Direttorat għar-Riċerka tas-Saħħa.

F’artiklu ppubblikat fil-Malta Medical School Gazette, riċerkaturi qalu li l-folic acid jgħin biex jonqsu difetti mit-twelid. Sabu li madwar kwart tal-ommijiet biss f’Malta jieħdu din il-forma ta’ vitamina qabel tqala.

Neural tube defects (NTDs) huma difetti serji tat-twelid li jirriżultaw minn anormalitajiet fl-iżvilupp tan-neural tube fi stadju bikri ta’ tqala. Id-diffetti jkunu fix-xewka tad-dahar, fil-moħħ, jew fil-korda spinali.

Ir-riċerka turi li jekk wieħed jieħu l-folic acid (aċidu foliku) qabel u matul l-ewwel 12-il ġimgħa ta’ tqala, jonqos b’mod sinifikanti l-ammont ta’ NTDs li jkun hemm.

Poster dwar il-folic acid mill-Kanada

F’Malta jkun hemm NTDs f’kull 10 minn 10,000 twelid. Skont ir-riċerkaturi, din ir-rata tista’ tonqos għal bejn ħames u sitt twelid minn kull 10,000 bit-teħid tal-folic acid minn qabel il-konċepiment.

Fl-2015 kien hemm 4,385 mara li weldet tarbija f’Malta. Minn dawn, 1125 (25.7%) qalu li kienu jieħdu l-folic acid qabel it-tqala. Intqal li din ir-rata hija baxxa wisq.

Ir-riċerkaturi qalu li għalkemm tobba ilhom sa mid-disgħinijiet javżaw lill-ommijiet jieħdu l-folic acid, kwart tal-ommijiet biss qed jagħmlu dan qabel it-tqala. Din iċ-ċifra baxxa mhix limitata għal Malta.

Skont ir-riċerkaturi, il-professjonisti tas-saħħa f’Malta ġeneralment isegwu l-pariri mill-Ingilterra. Il-pariri tal-NICE fl-Ingilterra jgħidu li nisa fl-età li jista’ jkollhom it-ftfal għandhom jieħdu 400 micrograms kuljum qabel tqala u matul l-ewwel 12-il ġimgħa ta’ tqala, anke jekk qed jieklu ikel li fih il-folic acid.

Waqt ir-riċerka nstab ukoll li 1216 minn 4100 tqala (29.6%) ma kinux pjanati.

Min l-aktar ma kienx jieħu folic acid qabel tqala?

  • Ommijiet b’livell ta’ edukazzjoni baxx
  • Ma jkunux miżżewġin
  • Inqas minn 25 sena
  • Ma jkunux Maltin jew mill-Ewropa

Instab li nisa żgħar fl-età kienu l-inqas li jieħdu l-folic acid qabel il-konċepiment – 7% tal-ommijiet inqas minn 25 sena kienu jieħdu l-folic acid.

Ir-riċerkaturi kkwotaw ukoll studju li sab li hemm tobba tal-familja li lanqas huma ma jafu ċertament meta wieħed għandu jieħu l-folic acid qabel tqala.

Ir-riċerka saret minn Miriam Gatt MD, MSC HSCR (Sheffield), Marika Borg MD, Elaine Gatt Mercieca Diploma SRM, u Neville Calleja MSc, PhD.

Tista’ taqra l-artiklu sħiħ minn hawn.